Surmastrijiet Diretturi Tal-Banda San Gejtanu
Il-Banda San Gejtanu ħadet biss 44 jum biex għamlet l-ewwel dehra tagħha fil-pubbliku. Bħala Għaqda twaqqfet nhar l-24 ta’ Ġunju 1906 u 44 jum wara għall-okkażjoni tal-festa ta’ San Gejtanu 1906, esegwiet l-ewwel servizz tagħha mmexxija mill-ewwel Surmast Direttur tagħha Mro. Ġużeppi Sammut.
Il-ħidma tal-Banda San Gejtanu minn dakinhar sallum ma waqfet qatt. Tul dawn is-snin hija kellha uffiċjalment erbatax-il Surmast Direttur differenti, għad li bħala ismijiet jidhru tlettax peress li wieħed kien maħtur darbtejn.
Dawn huma s-Surmastrijiet Diretturi tal-Banda San Gejtanu:
Mro. Ġużeppi Sammut, 1906-1907
Is-Surmast Sammut dam ftit iżjed minn sena jidderieġi l-Banda San Gejtanu. Ismu tnaqqax fl-istorja tagħha bħala l-ewwel Surmast Direttur tagħha, u kiseb post ta’ ġieħ għaliex kien hu li ħabrek sħiħ biex ftit ġimgħat biss wara t-twaqqif tal-Għaqda il-Banda ssemma’ leħinha fit-toroq Ħamruniżi.
Huwa kien Sergeant Drummer u wara Surmast tal-1st Regiment tal-K.O.M.R.
Ikkompona innu f’ġieħ San Gejtanu li għalih ġie mfaħħar ħafna. Sfortunatament dan l-innu hu mitluf.
Mro. Gioacchino Micallef, 1907-1908
Mro. Gioacchino Micallef dam biss ftit xhur jidderieġi l-Banda San Gejtanu. Huwa kien kurunettista prim mal-Banda King’s Own u l-R.M.A. Fl-arkivju tal-Għaqda ma hemm ebda kompożizzjoni tiegħu.
Prof. Salvatore Abela Scolaro, 1908-1910
It-tielet Surmast Direttur tal-Banda San Gejtanu kien il-Professur Salvatore Abela Scolaro. Inħatar fl-1908 u dderieġa l-Banda għall-ewwel darba fit-18 ta’ Frar 1908. Kien Surmast tal-Banda tal-Ammirall. Kien dak li beda jpoġġi l-Banda fuq sisien aktar sodi wara t-taħbit tal-bidu.
Mro. Ġużeppi Micallef, 1911
Mro. Ġużeppi Micallef kien imlaqqam ‘Baqrambun’. Aktarx li dan kien ġej mill-fatt li kien imexxi Banda Żabbarija mlaqqma ‘Tal-Baqra’. Kien jidderieġi wkoll banda fin-Naxxar. Dam imexxi l-Banda San Gejtanu ftit xhur biss.
Prof. Salvatore Abela Scolaro, 1912-1913
Wara Mro Micallef, it-tmexxija tal-Banda reġgħet għaddiet f’idejn il-Professur Salvatore Abela Scolaro. Dam iservi għal sena.
Mro. Salvu Mallia, 1914-1920
Fl-1914, il-bakketta għaddiet f’idejn is-Surmast Salvu Mallia mis-Siġġiewi. Kien Surmast popolari u kellu taħt it-treġija tiegħu diversi baned fosthom fis-Siġġiewi, r-Rabat, B’Kara, Ħal Qormi u ż-Żurrieq. Fi żmien l-ewwel gwerra hu dderieġa wkoll il-Banda tal-R.M.A. u La Valette, fin-nuqqas tas-Surmast tagħhom. Għad li hu magħruf li kien kompożitur ta’ xogħlijiet serji u brijużi, il-memorja tiegħu fl-Arkivju Mużikali tal-Għaqda hi mfakkra b’dak li hu teżor għall-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, jiġifieri l-Innu l-Kbir ‘Inno A San Gaetano”, li kien indaqq għall-ewwel darba nhar is-7 t’Awwissu, 1920. Kien f’dik is-sena li Mro. Mallia temm il-ħatra tiegħu mal-Għaqda wara sitt snin ta’ servizz.
Mro. Antonio Micallef, 1921-1922
Fis-sena 1921, il-Banda laqgħet bħala Surmast Direttur tagħha lil Mro. Antonio Micallef magħruf bħala ‘Nono’. Kien imżejjen b’esperjenza kbira mużikali m’għadd ta’ baned oħrajn. Mro. Micallef ħalla wkoll teżor ieħor lill-Banda San Gejtanu, fl-Innu l-Kbir ‘A San Gaetano’ li kkompona fl-1921 u li ndaqq l-ewwel darba nhar is-6 t’Awwissu 1921. Huwa kellu jħalli l-kariga mal-Banda San Gejtanu għaliex ħalla xtutna u mar Lixandra fejn ħadem ukoll bħala Surmast.
Mro Ġanni Grech, 1923-1930
Fl-1923, it-tmexxija tal-Banda għaddiet f’idejn Mro. Ġanni Grech. Dan kien imexxi wkoll il-Piccola Banda La Valletta. Serva bħala Aġent Surmast tal-Banda La Valette. Dam imexxi l-Banda San Gejtanu għal sitt snin. Kien hu li mexxa lill-Banda fil-mawra li kienet għamlet ġewwa Ragusa fi Sqallija fl-1926 għall-festi f’ġieħ San Ġwann Battista. Mro. Grech ħalla wkoll teżor ieħor fl-Arkivju tal-Għaqda permezz tal-Innu Kbir, ‘A San Gaetano’ li kien instama’ l-ewwel darba fl-1924.
Mro. Emmanuele Spiteri, 1931
Mro. Emmanuele Spiteri dam biss xhur jidderieġi l-Banda San Gejtanu. Għamel żmien ukoll jidderieġi l-Banda San Ġużepp tal-Ħamrun. Kien Surmast tal-Banda Unione ta’ Ħal Luqa. Mro. Spiteri kien fost l-ewwel surmastrijiet Maltin li telgħu l-Ingilterra minn fejn ġie kwalifikat għat-tagħlim, kompożzizzjoni u direzzjoni. Sfortunatament ġewwa l-Każin kien qam moviment kontra l-ħatra tiegħu u l-Għaqda ma damitx tgawdi mill-kapaċitajiet tiegħu.
Mro Antonio Zammit, 1932-1943
Fl-1932 inħatar Surmast Direttur Mro. Antonio Zammit. Kien ukoll Surmast f’Ħal Tarxien u l-ewwel Surmast tal-Banda Trinita’ fil-Marsa. Dam imexxi lill-Banda San Gejtanu għal 11-il sena sal-1943, żmien it-tieni gwerra.
Mro Joseph Abela Scolaro, 1943-1972
Is-Surmast Joseph Abela Scolaro, iben Carmelo u Margerita, xebba Camilleri, twieled il-Ħamrun nhar id-9 ta’ Frar, 1910. Il-mużika kienet twieldet miegħu għax missieru barra li kien kurunettista prim fit-Teatru Rjal, kien surmast ta’ diversi baned u fundatur tal-banda tal-Istitut ta’ San Ġużepp. Zijuh Salvu wkoll kien Surmast tal-Banda San Gejtanu, u ħuh il-kbir Luigi kien ukoll idoqq prim flawt fit-Teatru Rjal.
Joseph minn ċkunitu wera il-ġibda li kellu għall-mużika u beda jitgħallem ma’ missieru, u għalhekk ma setax ma beniex fuq sisien sodi l-ewwel tagħrif fl-arti mużikali. Ta’ disa’ snin tilef lil missieru u kompla l-istudji tal-pjanu għand is-Surmast Luigi Vella u għand il-pjanista Anġlu Abdilla. Aktar tard, għand is-Surmast Carlo Diacono beda l-armonija, imbagħad kompla l-istudju fil-kuntrapunt, fl-istrumentazzjoni, storja u forma għand is-Surmast Carmelo Pace.
Dan l-istudju wasslu sabiex jikseb dawn id-diplomi mil-London College of Music: A.Mus.L.C.M. (1937), L.Mus.L.C.M. (1945), u F.L.C.M. (1950).
Beda l-kariga ta’ Surmast Direttur fl-1934 mal-Banda tal-Istitut ta’ San Ġużepp. Inħatar Surmast tal-BANDA SAN GEJTANU fl-1943, kariga li żamm sal-1972.
Kien Surmast ukoll tal-Baned Unjoni ta’ Ħal Luqa, Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar, u tal-Banda Leone t’Għawdex.
Matul is-snin, is-Surmast Joseph Abela Scolaro kkompona mużika sagra u profana u diversi innijiet tal-parroċċi u għaqdiet fuq versi ta’ Dun Frans Camilleri u poeti oħra bħal Dun Karm, Patri Cuschieri u oħrajn.
Lill-Banda San Gejtanu huwa ħalliela b’wirt tiegħu dak li bla dubju huwa l-aqwa xogħol mużikali li huwa kkompona, jiġifieri il-KANTATA LIL SAN GEJTANU, fuq versi ta’ Dun Frans. Din il-Kantata instemgħet għall-ewwel darba fl-1947 waqt il-festi kbar li saru biex ifakkru l-400 sena mill-mewt ta’ San Gejtanu.
Għall-Banda San Gejtanu, barra din il-Kantata huwa kkompona, l-INNU LILL-BANDA SAN GEJTANU, għal darb’oħra fuq versi ta’ Dun Frans. Dan hu xogħol tal-1952, u żgur li huwa ġawhra dejjiema fir-repertorju ta’ din il-banda.
Fl-Arkivju Mużikali tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu insibu numru kbir ta’ marċijiet brijużi tassew sbieħ, li mas-snin għenu sewwa biex il-Banda San Gejtanu żiedet u kabbret il-popolarita’ tagħha fil-gżejjer Maltin. Fosthom insemmu l-marċi Appassionata, Bag Pipe Stroll, Summer Sovenir, Edgar, Victory, Churchill, Santiago de Cuba, u tant u tant oħrajn.
Joseph Abela Scolaro kien is-Surmast Direttur li mexxa lill-Banda San Gejtanu fil-festi ta’ għeluq il-50 sena ta’ għomorha, li ġew iċċelebrati bi kbir fl-1956.
Joseph Abela Scolaro żgur li huwa wieħed mill-kompożituri ewlenin fl-istorja tal-baned Maltin. Fost ix-xogħlijiet tiegħu nsibu l-Oratorji Klassiċi Lil San Gejtanu, Lil Sant Andrea, Lill-Madonna taċ-Ċintura, u Lill-Madonna tal-Grazzja; Innu taċ-Ċentinarju ta’ San Pawl li rebaħ l-ewwel premju f’konkors nazzjonali; Innu Vexilla Regis; l-Overtures Slavonia, Alcestis, Racconto Sinfonico; t-Tone Poem Reverie; il-Marċi Sinfoniċi Diana u Narcissus, żewġ operetti Cure for Colds u Midas; Kantata Lil San Pawl għall-orkestra u kor; siltiet oħra klassiċi bħal Invito All’Amore, My Heart Remembers, Immorru l-Imnarja, Żgħażagħ fix-Xtajta u Wasal il-Feddej; sitt Quddisiet; Responsorji u Improperji għall-Ġimgħa l-Kbira; u għadd bla qies ta’ innijiet, marċi brijużi u marċi funebri.
Kien Surmast tal-Kor ‘Malta Operatic Choral Society’. Fl-1960 Joseph Abela Scolaro nħatar Music Organiser fl-iskejjel tal-Gvern.
Il-mewt tiegħu seħħet nhar is-27 t’April 1979.
Mro. Nazzareno Mifsud, 1973-1985
Nazzareno Mifsud twieled iż-Żurrieq fil-15 ta’ Awwissu 1928.
Beda l-istudji mużikali fil-Każin tal-Banda Santa Katerina taż-Żurrieq taħt is-Surmast Espedito Deguara. Beda jdoqq mal-banda l-klarinett u magħha wkoll fl-1949 kellu l-ewwel kariga mużikali dik ta’ Assistent Surmast.
Nazzareno kompla bl-istudji mużikali tiegħu fil-pjanu, teorija u armonija għand is-Surmast Ġużeppi Casapinta fejn taħt il-gwida tiegħu kiseb l-ewwel diploma. Għand is-Surmast Carmelo Pace huwa tħarreġ fil-kontrapunt u l-fuga u kiseb it-tieni diploma tiegħu. Fl-1967 huwa kiseb id-diploma FLCM.
Fl-1957 Nazzareno Mifsud kien inħatar Assistent Surmast tal-Banda San Gejtanu tal-Ħamrun fejn baqa’ jokkupa din il-kariga sakemm Mro. Joseph Abela Scolaro, li kien Surmast temm il-kariga. Nazzareno Mifsud inħatar Surmast Direttur tal-Banda San Gejtanu fl-1973 u baqa’ jżommdin il-kariga sal-1985.
Kien ukoll Surmast Direttur mal-Banda Lourdes tal-Qrendi, i l-Banda Santa Venera ta’ Santa Venera, u l-Banda Stella Maris ta’ Tas-Sliema.
Fatt li ftit li xejn hu msemmi huwa li fl-1977, Nazzareno Mifsud kien idderiega lis-Sopran Miriam Gauci fl-ewwel dehra tagħha fil-pubbliku meta din kantat il-Kantata Lil San Gejtanu mal-Banda San Gejtanu. Sentejn wara il-ħaġa rrepetiet ruħha u wara dan Miriam Gauci marret tkompli l-istudji tagħha barra biex kisbet fama internazzjonali.
Nazzareno Mifsud ikkompona għadd kbir ta’ marċi brijużi matul il-karriera tiegħu kif ukoll kiteb mużika oħra fosthom is-sinfonija 75th Anniversary,
Nazzareno Mifsud miet fit-28 ta’ Frar 1998
Mro Andrew Coleiro, 1985-1990
F’nofs is-snin tmenin il-Banda San Gejtanu għaddiet f’idejn Mro. Andrew Coleiro. Isem dan is-Surmast kien ġa magħruf sewwa fost id-dilettanti tal-festi Maltin għaliex f’kull festa kienu jindaqqu marċijiet tiegħu mill-aktar ferrieħa u mill-aktar popolari. Filfatt il-Banda San Gejtanu ġa kienet qed iddoqq xogħlijiet tiegħu, fosthom il-marċ mill-isbaħ Il-Bandiera, li Mro. Coleiro kien kiteb esklussivament għaliha.
Mro. Andrew Coleiro kien is-Surmast Direttur li mexxa lill-Banda San Gejtanu, fl-ewwel Akkademja Mużiko-Letterarja li qatt saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu. Dan kien fl-1986 fl-okkażjoni ta’ għeluq it-80 sena mit-twaqqif tal-Għaqda.
Mro Ray Sciberras, 1990-2010
Mro. Ray Sciberras twieled ġewwa Bormla nhar is-27 ta’ Diċembru 1962. Sa minn ċkunitu nġibed lejn il-banda u per konsegwenza lejn il-mużika permezz tal-banda tal-lokal li ma damx ma ssieħeb magħha l-ewwel bħala student u mbagħad bħala bandist.
L-imħabba tiegħu lejn il-mużika wasslitu biex jissokta jkompli l-istudji tiegħu u filfatt studja t-teorija, l-armonija, il-kontrapunt, il-fuga, l-orkestrazzjoni u l-istorja mużikali taħt il-Professur Charles Zammit u s-Surmast Carmelo Pace. Wara segwa kors intensiv fil-kompożizzjoni taħt Mro. Pawlu Grech.
L-istudji tiegħu wassluh biex jikseb dawn il-kwalifikazzjonijiet akkademiċi mil-London College of Music: A.L.C.M.; L.L.C.M.; u F.L.C.M.
Il-kompożizzjonijiet tiegħu kemm fl-idjoma tradizzjonali kif ukoll f’dik moderna, huma miktuba għal medja differenti bħal banda, orkestra, kor u da camera.
F’nofs is-snin tmenin Mro. Ray Sciberras kien inħatar Assistent Surmast tal-Banda San Gejtanu. Fl-1990, l-Għaqda ħatritu bħala l-erbatax-il Surmast Direttur fl-istorja tagħha.
Il-ħidma ta’ Mro. Ray Sciberras wettqet rivoluzzjoni wkoll fil-ħsieb ġenerali tal-Għaqda, fejn waqt li qatt ma warrbet jew ħalliet jitmewwet ix-xogħol inkonnessjoni mal-mużika brijuża u festiva tant sinonimi magħha, trawwem u tkabbar il-ħsieb li l-Għaqda tifrex u tiddedika aktar mir-riżorsi tagħha biex jintlaħaq aktar l-għan ta’ apprezzament mużikali sħiħ.
Dan wassal biex il-Banda San Gejtanu tinvesti f’mużika ġdida waqt li tirrestawra u terġa’ ssemma’ mużika antika patrimonju tagħha. Wassal biex waqt li ż-żgħażagħ fi ħdan l-Għaqda ħadmu bla qies b’risq il-briju festiv, ħadmu wkoll biex xtraw u rregalaw lill-Banda strumentatura ġdida. Wassal biex il-Banda San Gejtanu torganizza aktar minn Programm Mużikali wieħed annwalment, kif ukoll tiċċelebra b’akkademji u bi programmi kbar avvenimenti speċjali. Wassal biex mhux biss ħafna tfal u żgħażagħ tressqu lejn il-mużika, iżda wkoll biex minn fosthom joħorġu mużiċisti li llum huma Surmastrijiet jew Assistenti ma’ baned oħra.
Fost il-Programmi kbar u speċjali li l-Banda San Gejtanu esegwiet taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Ray Sciberras insibu: Akkademja fil-Knisja Parrokkjali b’tifkira ta’ Dun Frans Camilleri; Akkademja fil-Knisja Parrokkjali b’tifkira ta’ Dott. Anton Buttigieg; Programm fit-Teatru Manoel; Programm fl-Istitut Kattoliku f’għeluq id-90 sena tal-Għaqda; Programm fit-teatru tal-Universita’ b’tifkira ta’ Dott. Anton Buttigieg; Programm li fakkar iċ-Ċentinarju tal-Għaqda; Akkademja fil-Knisja Parrokjali li fakkret iċ-Ċentinarju; Programm fl-Istitut Kattoliku b’tifkira tal-20 sena tal-Kummissjoni Żgħażagħ; Akkademja fid-Dar Ċentrali tal-Museum f’ġieħ San Ġorġ Preca; Akkademja fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta b’tifkira ta’ Dott. Anton Buttigieg; Programmi kbar annwali fl-anniversarju tal-Għaqda fl-24 ta’ Ġunju; Programmi fil-Milied u fil-Ġimgħa Mqaddsa. Ma’ dawn kollha jiżdiedu Programmi u Kunċerti marbuta mal-festa ta’ San Gejtanu, ma’ attivitajiet u okkażjonijiet oħra u numru sostanzjali ta’ home concerts.
Il-ħidma kbira mwettqa minn Mro. Ray Sciberras fi ħdan l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, tidħol ukoll fil-qasam tal-kompożizzjoni fejn il-Banda San Gejtanu gawdiet bi sħiħ mill-kompożizzjonijiet mill-isbaħ tiegħu, b’numru sostanzjali miktuba esklussivament għaliha, waqt li oħrajn huma kompożizzjonijiet maħluqa minn Mro. Sciberras biex jindaqqu u jitgawdew minn għadd ta’ baned differenti.
Il-lista tal-kompożizzjonijiet ta’ Mro. Ray Sciberras miktuba esklussivament għall-Banda San Gejtanu hi mimlija sewwa. Tiġbor fiha:
- Kantata: Tifħir Lil San Gejtanu *
- Kantata: Tifħir Lil Kristu Sultan Li Tana Lil Dun Ġorġ *
- Omaġġ: Għanja ta’ Sebħ *
- Innu: Lill-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu **
- Innu - Kewkba Tiddi ta' Pajjizna *
- Innu Marċ: Lil San Gejtanu ***
- Innu Marċ: Lill-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin *
- Tone Poem: Eulogy Dr. Anton Buttigieg
- Tone Poem: Propera Avgesco
- Tone Poem: Dlonk Nikber *
- Arranġament: Inno a San Gaetano ( P.A. Bellilia)
- Arranġament: Inno a San Gaetano (L. Perosi)
- Kanzunetta: Min Jaf Kif Qabżet Qalbek *
- Kanzunetta: Sliem Qaddis Tal-Karita` *
- Kanzunetta: Mhux Li Kien Gejtanu Mqaddes *
- Kanzunetta: Fittxu L-Ewwel Saltnet Alla *
- Silta: Sultana Ta' Raħalna *
* versi: Anselm Sciberras
** versi Alfred Degabriele
*** versi Manwel Haber
Minn barra dawn il-kompożizzjonijiet fl-Arkivju tal-Għaqda jinsabu wkoll għadd ta’ kompożizzjonijiet u arranġamenti oħra tiegħu kemm ta’ mużika serja, mużika sagra, innijiet u ‘l fuq minn tletin marċ brijuż u għaxar marċi funebri.
Ta’ min jgħid li bosta mix-xogħlijiet ta’ Mro. Ray Sciberras jinsabu rrekordjati fuq cds, fosthom dik magħmula mill-Yorkshire Wind Orchestra diretta minn Frank Renton li hi mimlija b’xogħlijiet mill-isbaħ tiegħu miġbura taħt l-isem ta’ ‘Millennium Salute’.
Mro. Ray Sciberras huwa għalliem imfittex ħafna u jgħallem il-mużika wkoll fil-Kulleġġ De La Salle. Jgħix il-Ħamrun flimkien ma’ martu Anna u ibnu Christian.
Hu Surmast Direttur ukoll tal-Baned Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar, San Ġorġ ta’ Bormla, Beland taż-Żejtun, u Santa Marija tal-Mosta.
Mro. Jonathan Borg 2011 -
Il-Ħmistax-il Surmast Direttur tal-Banda San Gejtanu huwa Mro. Jonathan Borg, is-Surmast Direttur attwali, Profil dettaljat dwaru jinstab fit-taqsima Surmast Direttur.


