Mro Jonathan Borg, 2011-

Surmast Direttur Tal-Banda San Gejtanu

Jonathan Borg twieled il-Ħamrun nhar 10 ta’ Mejju 1976. Irċieva l-ewwel tagħliem Mużikali mill-Banda San Gejtanu tal-Ħamrun fl-eta ta' ħdax-iI sena taħt Mro.Ray Sciberras. Sentejn wara daqq għall-ewwel darba bħala solista ma' l-istess banda. Kompla l-istudju tiegħu fuq il-kurunetta taħt il-ħarsien ta' Mro.Paul Borg fejn fl-1997 kiseb l-ewwel diploma dik tal-A.L.C.M. Kompla l-istudju tiegħu taħt l-istess għalliem fejn fl-1999 wasslu biex jikseb id-diploma L.L.C.M u fl-2002 kiseb id-diploma F.L.C.M. Studja t-teorija u l-armonija taħt Mro.Ray Sciberras fejn kiseb il-gradi kollha. Ftit taż-żmien wara kompla l-istudju fl-armonija u l-kontrapunt taħt Mro.Lawrence Borg fejn kiseb id-diploma A(Mus)L.C.M. u wara fl-orkestrazzjoni u l-fuga biex kiseb L(Mus)L.C.M . Studja ukoll id-direzzjoni taħt Mro Joseph Sammut.

Mro. Jonathan Borg F.L.C.M ikkompona diversi marċi brijużi u funebri, kompożizzjonijet għall-Banda bħal Fanfer u Theme, Quddiesa għall-banda sopran u kor, Argentum u diversi arranġamenti għall-Banda u kantanti. Jonathan Borg huwa membru fil-Banda tal-Forzi Armati ta' Malta fejn daqq ma l-istess banda kemm Malta kif ukoll tlett darbiet il-Ġermanja, darbtejn l-Italja, Brussel ,ir-Russja u l-Libja, kif ukoll qiegħed part-time ma' l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u huwa wieħed mill-fundatur tal-Versatile Brass Ensemble.

Jonathan kien ilu 20 sena bandist tal-post u għaxar snin għalliem fis-sezzjoni ta’ram ma' l-Għaqda tal-mużika San Gejtanu u f’ Novembru ta’ l-2009 inħatar Assistent Surmast ma' l-istess Għaqda. Fl-2011, l-Għaqda ħatritu bħala il-ħmistax Surmast Direttur fl-istorja tagħha. Bħalissa qed Jokkupa ukoll il-kariga ta' Surmast direttur mal-Banda San Bartilmew tal-Għargħur u għalliem ta' l-istrumenti tar-ram fl-istess Socjeta'.