San Gejtanu

Poeżiji / Innijiet

  1. Lil San Gejtanu - Dun Frans Camilleri
  2. Lil San Gejtanu Ta' Tiene - Karmenu Vassallo
  3. Lil San Gejtanu - Dun Frans Camilleri
  4. Lil San Gejtanu Ta' Tiene - Dun Karm Psaila
  5. 'L Hemm Mill-Kampnari - Dun Frans Camilleri
  6. Lil San Gejtanu - Dun Frans Camilleri
  7. Lil San Gejtanu - Anton Buttiġieġ
  8. Lil San Gejtanu - Dun Nikol Vella Apap
  9. Imbierka l-Idejn - Anselm Sciberras
  10. Fuq Qabrek Ġo Napli - Anselm Sciberras
  11. Ħsejjes - Anselm Sciberras
  12. Li Kieku - Anselm Sciberras
  13. Inno A San Gaetano
  14. Tislima Lil San Gejtanu
  15. Inno A San Gaetano
  16. Innu Popolari Lil San Gejtanu
  17. Kantata Lil San Gejtanu

Indiċi

Lil San Gejtanu

ta'

Dun Frans Camilleri

 

Minix se nfaħħrek le, Gejtanu tagħna,
Jew ngħid f’dal-jum għażiż, kemm inqimuk.
X’jiswa t-tifħir li ntuk, għalfejn tismagħna
Ngħidulek biss b’xofftejna li nħobbuk!

 

Inti ftaqart għax ridt. U aħna għall-għana
Nixxenqu bla mistrieħ; daqshekk nixbħuk?
Inti batejt, tgħakkist. U lilna arana
Infittxu l-pjaċir biss… X’tifħir nagħtuk!

 

Għaliex ħabbejt lil Alla, irħejt it-tama
Fil-ħniena Tiegħu biss; bis-salib
Bħal Kristu fraħt u wrejtna t-triq tas-Sewwa.

 

U aħna wara l-flus niġru fil-għama
U nwarrbu ‘l Alla u naqgħu fit-tiġrib
Għax nibżgħu mis-salib u nfittxu l-ħlewwa.


Indiċi

Lil San Gejtanu Ta’ Tiene

ta’

Karmenu Vassallo

 

Quddiemek kellek żewġ triqat. Sabiħa
Il-waħda għax ta’ ġid - alla tat-torox,
Tal-għomja wil-qlub iebsa - li bil-fwieħa
Tiegħu jogħxew u jsiru dbejjeb ħorox.

 

Qalila l-oħra għax ta’ ċaħda u faqar
Għall-ġisem fejn titbennen ruħ ta’ safa -
Ruħ li teħfief aktar ma dak jinħaqar,
W aktar ‘il fuq f’ġisem magħkus tintrafa’.

 

Għaqli u qalbieni, inti ġidek ħraqtu.
Kif kien l-aħjar ħaruf tal-merħla tiegħu
Jaħraq Abel lil Alla. L-għana sħaqtu
F'ħobż għall-fqajrin u Kristu għannqed Miegħu.

 

Int li - għax ridt - ftaqart, fis-sew stagħnejt.
Min ħalqek qaddsek għax Għalih inħlejt.


Indiċi

Lil San Gejtanu

ta’

Dun Frans Camilleri

 

Fittxu fuq kollox is-Saltna tas-Sema,
Triq il-Mulej bid-dawl u s-sliem mogħnija;
Tħallux ġo moħħkom ħsieb dil-art jinġema’:
Fittxu ‘l Mulej… u jaħseb Hu għall-bqija.

 

Hekk qal Ġesù: Gejtanu Mqaddes sema’
Dis-sejħa kollha għerf, kollha qdusija,
Warajh kull ġid, kull ġieħ tad-dinja rema
Biex bħalu jgħix fil-faqar fit-tbatija.

 

U ħareġ qalb il-foqra b’dik l-imħabba
Li tħenn u tixtieq tgħin lin-nies maħqura
Bil-qalb li tħobb tassew għax mhix imtabbgħa.

 

U f’daru għammar Alla, għalkemm fqira,
Għax Huwa jara l-qalb u r-ruħ miġbura:
Gejtanu ruħu mżejna u qalbu kbira!


Indiċi

Lil San Gejtanu Ta’ Tiene

ta’

Dun Karm Psaila

 

Qiegħdet fuq ġbinek l-ogħla bews l-imħabba,
Hekk kif għall-ħajja nfetħu ħbub għajnejk,
L-isbaħ ward li fix-xemx t’April jitrabba
Żejjen il-bjuda fejn serraħt ħaddejk.

 

Xejn ma nċaħadlek kull ma’ l-qalb ixabba’,
Malli ssawret il-kelma fuq xofftejk:
Kull ma seta’ fil-għajn tan-nies itabba’
Il-ġieħ ta’ nislek qatt ma resaq lejk.

 

Iżda kif fetaħ maż-żgħożija ħsiebek,
Għaraft il-frugħa li tlellex bla dewma
U l-fqar u l-imsejknin għażilt bi ħbiebek.

 

Ftaqart għax ridt: qalbieni fit-tiġrib,
Ilqajt id-dnewwa mingħajr l-ebda lewma
U, bħal Ġesù, xtaqt tmut fuq is-Salib.


Indiċi

‘L Hemm Mill-Kampnari

ta’

Dun Frans Camilleri

 

X’ħin jisktu l-ħsejjes kollha, fil-għaxija,
Fit-triq il-kbira tal-Ħamrun, imġenna,
Kemm hu sabiħ tistrieħ fil-gallerija
Mnejn tara, f’dak is-skiet, dehra tal-ġenna.

 

F’nofs sema kwiekeb, milqutin mid-dija,
Jidhru l-kampnari sbieħ; u l-qalb tirhenna,
Bla taf għaliex, f’did-dehra ta’ sbuħija
U tħossha ttir bil-ferħ f’ħolma ta’ benna.

 

Le, naf għaliex: mhux il-kampnari tagħna
Nilmħu bil-lejl, imma d-dirgħajn ħanina
Li jerfa’ ‘l fuq Gejtanu lejn is-sema.

 

Biex qalbna tħobb lil Alla u bih tistagħna,
Qaddis ħanin, żomm idejk hekk għalina:
Int kbir fis-sema u fl-art: talbek jinstema’.


Indiċi

Lil San Gejtanu

ta’

Dun Frans Camilleri

 

Tatek id-dinja li tħobb hi: il-għana
U l-ġieħ li ma tlabthiex qiegħdet quddiemek
Biex tisraq qalbek u tkun hi s-sultana
Ta’ ħsiebek, ta’ xewqatek u ta’ sliemek.

 

Iżd’int reġġajtha lura u ċħadt lil ġidha
Biex tagħti ruħek ‘l Alla. Fix-xejn tiegħek
Irħejt kull tama fih… u fit-taqbida
Li qanqlet biex tifnik Hu waqaf miegħek.

 

Min libbes l-isbaħ ġmiel lill-ġilji, u tema’
‘l-għasafar kollha, mhux sa jinsa l-ħniena
Max-Xbieha tiegħu u l-ikbar, ‘l hawn mis-sema,
Fl-egħġubijiet ta’ Min ħalaqna u fdiena.

 

Għax emmint dan, Alla ma naqsek f’xejn:
U tak, flok ġid id-dinja, lill-Feddej.


Indiċi

Lil San Gejtanu

ta’

Anton Buttiġieġ

 

Bil-ħsieb ta’ Missier twajjeb, imexxi Alla l-ħolqien;
Bla ħsieb, bla xogħol il-ħlejjaq, jgħannulu lkoll flimkien.

 

Għallimna kif Gejtanu, Hu jgħajjex lilna wkoll
Għax aħna ulied Ibnu, b’Demmu mifdija lkoll.

 

Il-qawwa ta’ Luteru, inti felħan kissirt,
U l-fidi mqaddsa ta’ Alla, bla serħ inti fissirt;

 

Għallimt li l-Knisja hi waħda, kull waqt u kullimkien,
Għax rabta waħda torbot, l-Insara lkoll flimkien.

 

Għat-tul ta’ erbgħin siegħa, mixħut għal wiċċek fl-art,
Tajt qima ‘l Ġesu’ fl-Ostja, f’żina ta’ dawl u ward.

 

Għax l-għaxqa li troxx minnu, tpaxxi l-ġisem u r-ruħ
Kull bniedem biha mseddaq, qatt jitlef, qatt mirbuħ.

 

Xi ħlewwa f’dak ilsienek, x’kobor ta’ ħsibijiet,
X’imħabba ġewwa qalbek, u tama fis-smewwiet.

 

Bħal xempju ta’ qdusija, Gejtanu dhert fiż-żmien;
Ħallina lkoll ninsġulek, għanja ta’ ferħ flimkien.


Indiċi

Lil San Gejtanu

ta’

Dun Nikol Vella Apap

 

Kewkba sbejħa kollha dija, ta’ Viċenza l-akbar ġieħ
F’sema tiddi kont u tibqa’, għax fuq l-għadu ħriġt rebbieħ.

 

Minn tfulitek ħabbejt ‘l Alla, l-għaxqa tiegħek sibtha fiH,
Lejl u nhar fit-talb u ċ-ċaħda, miegħu qatt ma kont int xħiħ.

 

Għal Ġesu’ kont tagħmel kollox b’ħidma sfieqa għal kulħadd,
l-erwieħ morda daqu l-benna, miċħud lilhom ma kien qatt.

 

Ġo Venezja qalb il-pesta b’minġel kiefer u bla ħniena
Int Gejtanu ġrejt bla sabar, tgħin u tfarraġ f’Dak li fdiena

 

‘L-ewwel fittxu saltnet Alla’, fhimthom sewwa dal-kelmiet,
F’qalb ta’ qalbek tnibbet Ordni ta’ ġid kbir kien fil-ħidmiet.

 

Qalbek ftamt mill-ġid tad-dinja għax l-erwieħ kien l-għaxqa tiegħek
Fraħt u bkejt f’kull waqt il-ħajja biex fil-ġenna jgawdu miegħek

 

Ta’ ħidmietek u għemilek ix-xhud jibqa’ dejjem Napli,
bis-salib f’idejk ta’ Kristu, qaddis għaref, l-iżjed għaqli.

 

Kbir Gejtanu missier tagħna li l-Ħamrun tant kburi bik,
Wassal talbna quddiem Alla. Qalbna u moħħna dejjem fik.


Indiċi

Imbierka L-Idejn

ta'

Anselm Sciberras

 

Imbierka l-idejn li bi mħabba farrġu,
iddawru ma' spallet l-imsejken u l-fqir,
fejn għafsu bi ħlewwa, żergħu it-tama,
nessew it-tkasbir.

 

Imbierka l-idejn li nstelħu bil-ħidma
fi bliet u fi rħula, fi rziezet u djar,
li naddfu il-ġrieħi fuq iġsma marrada
mitluqa ġo sptar.

 

Imbierka l-idejn li dejjem maħruġa
biex jagħtu il-paċi u jwasslu is-sliem:
jaħfnu, biex juru it-toroq it-tajba
u jmexxu 'l quddiem.

 

Imbierka l-idejn li jagħtu u jagħtu
u jqassmu lil ħuthom minn ġidhom l-għajxien,
bla qatt ma jintilfu f'xi għażla 'l min jgħinu,
u jwieżnu 'll-għajjien.

 

Imbierka l-idejn magħquda fis-sikta
ta' talba kontinwa, tifħir lill-Ħallieq,
bl-għaraq maħsula tax-xewqa qawwija
li tfittex it-triq.

 

Imbierka l-idejn li kitbu fuq karta
sentenzi mill-isbaħ ta' tama w kuraġġ
u xeħtu fil-fond ta' qlub il-qarrejja
ta' Alla ir-raġġ.

 

Imbierka l-idejn imwaħħda ma' ġisem
li tħabat għas-sewwa kuljum, kullimkien,
u ħadem biex l-art mill-ġdid terġa' twarrad
u t'Alla ssir ġnien.

 

Imbierka l-idejn li b'rogħda qawwija
infetħu biex laqgħu ġo fihom lis-Sid
li bħala tarbija, twennes, straħ fuqhom
u mlihom b'kull ġid.

 

Imbierka idejk Gejtanu ta' Thiene
għax wettqu dan kollu bla waqfa fis-snin,
sal-jum li fih tlaqt biex inti tissieħeb
f'sebħ il-Qaddisin.


Indiċi

Fuq Qabrek Ġo Napli

ta'

Anselm Sciberras

 

Fuq qabrek ġo Napli - ħassejtni m'jien xej'.
Intbaħt li jien f'ħajti - il-bogħod mill-Mulej.
Għax inti kont tajjeb - għax int kont ħanin
U l-ħila li kellek - b'ferħ tajt lill-bnedmin.

 

Insejt il-ġid tiegħek - ma tlabt xejn għalik.
Li kellek qassamtu - qatt Alla ma nsik.
Hu ġabrek u ħadek - fil-glorja hemm ħdejh.
Hu qaddsek x'ħin fuqek - Hu poġġa idejh.

 

Fuq qabrek ġo Napli - fejn inti midfun
Ħassejt ix-xej' tiegħi - kif jiena magħġun.
Intbaħt li imbiegħed - mit-triq tas-Sinjur
mad-dinja bħal ibleh - qed nagħqad pinnur.

 

Imbiegħed mit-tajjeb - ma nafx x'qed nixtieq
Hemm rajtni ħamrani - nixxala fit-triq
Insemmi lill-Ismek - quddiem ġibs magħġun
Bħal bniedem li jparla - ma jafx x'jgħid ikun.

 

Minn qabrek kellimtni - int tajtni l-kuraġġ.
Id-dawl li xħett f'qalbi - qatagħli fis l-għatx.

 

wara żjara fuq il-qabar ta' Gejtanu ta' Thiene

fil-kripta ta' San Paolo Maggiore, Via Tribunali, Napli


Indiċi

Ħsejjes

ta’

Anselm Sciberras

 

Kemm ħsejjes ta’ kliem biex qraw il-poeżiji
Kemm ħsejjes t’għanjiet u kant minn korijiet
Kemm ħsejjes ta’ daqq magħmul mill-istrumenti
Kemm ħsejjes bid-daqq tal-ħafna innijiet.

 

Instama’ l-ħoss tan-nar jinħaraq fl-ajru
Tan-nies jitkellmu x’ħin żejnu it-triqat
Tal-bnadar hekk kif perpru ma’ kull żiffa
Ta’ l-agħa tal-kotra waqt l-innu marċ kantat

 

U dewa l-ħoss ta’ l-iskultur li naqqax
Ix-xbieha li tinġarr fuq l-ispallejn
U dewa il-pinzell jimxi fuq tila
U l-ħsejjes kollha mlew sewwa l-widnejn.

 

U l-ħsejjes dejjem joktru
jiżdiedu sew maż-żmien
Inessu, jaħbu, jtellfu,
x’kien sew il-għan ewlien.

 

U f’nofs dal-ħsejjes kollha
Deh’rt int Gejtu maħbub
Poġġejt subgħajk fuq fommok
U leħnek mela l-qlub.

 

Fil-ħemda illi waqgħet
Fis-sikta u fil-kwiet
Instema’ kliemek ħelu
Kliem mimli b’elf barkiet

 

“Fittxu L-Ewwel Saltnet Alla
Missierkom fis-Smewwiet”.


Indiċi

Li Kieku!

ta'

Anselm Sciberras

 

Fl-ibliet il-kbar kollhom problemi
ta' żgħażagħ bl-hemm mifnija - iddrogati,
ta' xjuħ għaliex minsija - inkwetati,
ta' nies li qishom makni - aljenati,
hemm kont insibek meta nfittxek….
Qalbek! Saħħtek! Kollox qiegħed tagħti!

 

Fit-toroq b'bini mġarraf mill-kanuni,
miksija kollha demm ta' l-innoċenti,
fejn l-aħwa tqabdu bħal iljuni
u l-massa tkaxkret mill-kurrenti

tal-mibgħeda tal-kburija
u fetħet bla ma taf bwieb il-ħruxija:
Hemm kont insibek meta nfittxek….
qalb nies imkissra b'weġgħat serja,
maħsul bil-għaraq, taħdem bla waqfien,
tippriedka l-paċi, taħdem għall-ħelsien.

 

Fi griebeġ kollha tajn imwarrba
fejn sultan il-faqar u sid il-ġuħ,
hemm kont insibek meta nfittxek,
f'villaġġi Afrikani…
f'irħula Sud Amerikani
qalb foqra Indjani...,
bil-kmiem imxammra taħdem għall-fqajrin
tnissel it-tama f'dawk li minsijin.

 

Li kieku
ma kontx il-bieraħ
imma kont illum,
iva hemm kont insibek meta nfittxek,
Gejtanu għażiż!

 

Ġunju 1996


Indiċi

Inno A San Gaetano

Dawn huma l-versi tal-poeżija li fuqha Mro. Salvatore Mallia kkompona l-Innu l-Kbir tiegħu f’ġieħ il-Qaddis tal-Providenza. Dan l-Innu ndaqq għall-ewwel darba mill-Banda San Gejtanu nhar is-Sibt, 7 t’Awwissu, 1920. Hu l-ewwel mill-ħames Innijiet Kbar/Kantati li l-Banda San Gejtanu għandha f’ġieħ il-Patrun tagħha u tal-Ħamrun.

 

Godi, Vicenza, allegrati
d’aver al mondo dato
questo guerriero nato
de’ superni tesor
mentre alla Fe scagliavansi
le frecce del’error.

Te Dio fregiar compiacquesi
di scienza e di favori
che il crin tornar d’allori
in quella triste età
in cui orgogliosa videsi
sul trono l’empietà.

Ave, campione intrepido!
tu fosti l’alma stella
che infosca altra procella
in viavà il sommo ver
onde fugar le tenebre
del perfido Luter.

Di Mansfeld l’empio monaco
bestemmia rugge freme
per debellar quel seme
che il tebro funesto
la pia tua destra vindice
l’eterno desegno.

Quando l’odio stanico
del turbolente frate
del soldi veritate
volle spenti il fulgor.
repente il nume scelseti
de’ dommi difensor.

Ave fragrante giglio
sbocciato in bel giardino
l’olezzo tuo divino
che i cuori fa esultar.
De l’esacrato apostata
gli error fe soffocar.


Indiċi

Tislima lil San Gejtanu

Kantata ta’ Tifħir

Versi ta’ Anselm Sciberras

Mużika ta’ Mro. Ray Sciberras

esegwita l-ewwel darba fl-1996

L-ewwel parti - Providenza

Infaħħru!
Insebbħu u ngħannu
għanjiet ta’ ferħ u ġieħ!
Sliem Għalik Gejtanu Mqaddes
li mill-ħajja ħriġt rebbieħ!

O Gejtanu
r-rebħa tiegħek ġiet għax miegħek
daħħalt ‘l Alla f’kull m’għamilt.
Int xandart il-kliem imqaddes!
Int xandart il-kliem sabiħ!

Fittxu l-Ewwel Saltnet Alla.
Afdaw dejjem fil-Mulej.
Huwa żgur qatt ma jinsina
għax Hu tagħna il-Feddej.

Sliem Għalik O Kbir Gejtanu
F’Alla biss tul ħajtek fdajt.
Fittxu l-Ewwel Saltnet Alla,
Minn kliem Kristu inti smajt!
Sliem Għalik.

Xi ġmiel ġilju bajdani
li bil-ħajja huwa għani.
Xi ġmiel għasfur jittajjar
jiġri jofroq is-smewwiet.

Alla jsostni l-ħlejjaq tiegħu,
Alla jħares il-ħolqien
u bin-nifs setgħani tiegħu
b’ħajja jimla kullimkien.

Dan Missierna li le jinsa
fjura mwarrba fil-widien
kemm żgur aktar jibża’ għalina
li fid-dinja, xbieha tiegħu, tana għ’rfien

Gejtanu, dan emmintu, dlonk xandartu.
Ħajtek tgħallem int għaddejt.
Emmint biss fil-ħniena t’Alla.
B’din il-ħniena inti mxejt!
Għalhekk qalbek qatt ma qtajt.
Mit-tiġrib, le qatt ma bżajt.

Int emmint l’ Alla s-setgħani
Idu jżomm fuq il-ħolqien.
Huwa jwieżnu. Huwa jwettqu.
Dan għal kemm itul iż-żmien!

Alla Kbir, bagħat lilek f’nofsna,
sabiex tkun għalina d-dawl,
li jurina….
li jmexxina…..

It-tieni parti – Karità

Ejj’ naħsbu dwar Gejtanu
Kif għex kliem il-Mulej,
Kemm għen, ħadem u ġera,
Kif għallem il-Feddej.

Reħa kobor nislu u l-ġid li dan iġib.
Reħa l-lussu kollu u għażel it-tiġrib..
Biss bħalma x-xewk tal-warda
jintesa kif tinxtamm
hekk Gejtu baqa’ hieni
għax kliem l-Imgħallem żamm!

Gejtanu ħabb lil ħutu
għax fihom ra ‘l Mulej.
Għalihom bata w ħadem,
għalihom kien mexxej.

Kemm nissel tama w faraġ,
Kemm ħadem għall-fqajrin
Kemm ħabrek b’riżq il-morda
u dawk li minsijin!

Gejtanu offra kollox
u kull ma kellu ta.
Kull pass li wettaq f’ħajtu,
dan għamlu b’karità.

Imbierek int Gejtanu
għax f’ħajtek wisq batejt!
Fid-dmugħ għaraft il-barka
u mħabbet Alla wrejt!

Imbierek int Gejtanu!

It-tielet parti – Verità

Id-dubji miżrugħa u l-kliem li jintqal
li jbarru is-sewwa u jdallmu iċ-ċar,
li jnikktu – li jgħejju –
li jħassbu – li jmewtu –
li jgħammxu – li jħawdu –
li jqarrqu –
li juru wiċċ b’ieħor –
li jsemmgħu kliem b’ieħor –
li jnisslu il-ġlied, in-niket, il-hemm –
li jwelldu il-biża’, id-dwejjaq, id-demm –
fejn l-għodda qaddisa, ħażin hi użata
u l-fidwa tal-bniedem bħax-xejn preżentata..!

Żerriegħa ħażina
miżrugħa kuljum
tul sekli ta’ snin
u aħna ħosbiena
nistaqsu kuljum...
Is-Sewwa Għand Min? -

Minn jum għal jum ieħor,
għexieren ta’ snin,
kliem Gejtu, għen, dawwal, għallem
eluf ta’ bnedmin.
Kliem qawwi li muri bil-ħidma ta’ l-id.
Kliem qawwi li mfisser bil-pass tas-saqajn.
Bil-kelma mitkellma.
Bil-kelma miktuba.
Bl-għemil.
Alla il-Verità

Ir-raba’ parti – Ewkaristija

Is-saħħa għall-ħidma, il-faraġ għar-ruħ,
Ir-rieda għat-tajjeb, l-imħabba li tfuħ,
Gejtanu kisibhom hekk kif għarkobbtejh
Hemm b’għafsa ta’ mħabba magħquda idejh,
Hu tkellem ma’ Alla ġo l-Ostja hemm ħdejh.

Sigħat ta’ kliem imqanqal
u talb f’riġlejn l-altar
b’għajnejn jibbru bil-fidi
bi dmugħ jaħraq bħan-nar.

L-għajnejn jaraw ix-xbieha
ta’ mejjet fuq salib
‘mma l-moħħ u l-qalb iħossu
li Kristu qiegħed qrib.

Waqt ġabra w sikta kbira
bla heda, bla waqfien,
Gejtanu sejjaħ l-Isem
li jgħajjex kullimkien.

Sejjaħlu b’fidi soda.
Sejjaħlu ħa jtih ġieħ,
u talbu, fih intelaq
għax saħħtu kienet bih.

Ningħaqdu ma’ Gejtanu
u nħallu ‘l qalbna tfur,
infaħħru s-Sid ta’ kollox
ġo l-Ostja hemm mistur.

Nintelqu fl-għajn tal-grazzja,
nintelqu kollna fih…
Lil Kristu Ragħaj ta’ dejjem
Tifħir qalbna tagħtih.

Għallimna int Gejtanu,
ħeġġiġna nifhmu sewwa,
Għallimna ngħarfu fl-Ostja
lil Kristu l-akbar ħlewwa

Kompli Gejtanu tagħna mexxina lejn id-dija
tal-Kobor t’Alla Sidna mistur fl-Ewkaristija.

Iġborna Gejtanu madwarek flimkien
biex miegħek nistqarru bil-ħeġġa dal-kliem
li jfaħħar u jsebbaħ lir-Re tas-Smewwiet
u miegħek nitolbu li jħenn mid-dnubiet.

Imbierek int Gejtanu.

Il-ħames parti – Mia Patrona Et Stella

Ejj’ naħsbu dwar Gejtanu
li ngħażel mill-Ħallieq
biex dawl ikun hu fostna
u lilna juri t-triq.

Biex jasal għall-qdusija, Gejtanu ħabb bi sħiħ
Lil Sidtu Stilla tiegħu: faħħarha bla mistrieħ.
Għaliex f’Marija Verġni Gejtanu sab f’kull ħin
il-punt li jgħaqqdu m’Alla u jgħaqqdu mal-bnedmin

Il-ħarsa ta’ mħabba li feġġet f’għajnejk,
Il-bandla ta’ ħlewwa li għamlet idejk,
Il-ferħa tal-ġenna li xirfet f’xofftejk,
X’ħin Marija Verġni Mbierka
Is-sema ħalliet
Fil-lejl tal-Milied
U lilek uriet
Liċ-ċkejkna tarbija
Mimlija bid-dija
Ta’ kobor bla qies.

U tatek iżżomm
Lil Binha dik l-Omm.

Lil Ġesù Bin Alla l-Imqaddes
F’dik it-telfa ma’ sidrek ħaddant.
Qalbek faret u tkebbset bl-imħabba
Waqt li miegħek lil Sidek għannaqt.

Ejjew flimkien ninġabru
Ejjew nagħtu tislima
Lil Ommna u Omm Alla
Minn qalbna nagħtu qima

U ngħannu għalenija
Dal-kliem mimli foħrija.
Sliem Għalik Marija
B’kull grazzja mimlija
Sliem Għalik
Sidt u Kewkba tagħna.

Infaħħru lil Gejtanu
ibennen lil Bambin
imkennen mill-ħars ħelu
ta’ l-Omm tagħna l-bnedmin.

Is-sitt parti – Talba ta’ San Gejtanu

Bħal Gejtanu
Ma’ Gejtanu
Ninxteħtu inqimu, nitolbu
Lil Alla fis-smewwiet
Insejħu lil Missierna
Nitolbu mal-Patrun
u l-kliem li huwa uża
kliem tagħna ser ikun.

O Alla kbir ismagħna.
Ismagħna nitolbuk.
Din talba ta’ uliedek,
uliedek li jħobbuk.

- Ħares Missier Qaddis
Minn ġo darek fis-smewwiet.
Ara l-Ostja Mqaddsa
Li Kristu Ibnek Sidna
Offrielek għad-dnubiet.
Il-ħażen kbir tad-dinja
Aħfer nitolbuk
Isma’ leħen Demm Ġesù jgħajjatlek
Minn fuq is-Salib.
Alla tagħna ismagħna,
fil-ħniena tiegħek tittardjax
għaliex beltna, għaliex ġensna
sejħu Ismek Kbir.
Istmana skond il-ħniena tiegħek.
Amen –

Is-seba’ parti – Glorja

Miġbura lkoll flimkien
minn qalbna ngħannu l-kliem….
Ma’ l-anġli tas-smewwiet
nissieħbu f’korijiet….
Għarkobbtejna dlonk ninxteħtu
Inqimu ‘l Alla ‘l-Kbir
Għax tana lil Gejtanu
Nagħtuh l-akbar tifħir.

Glorja lil Alla dejjem…
dejjem u f’kull ħin….
Glorja lil Gejtanu….
Qaddis fost il-bnedmin.

Miġbura lkoll flimkien
minn qalbna ngħannu l-kliem….
Ma’ l-anġli tas-smewwiet
nissieħbu f’korijiet….
ta’ foħrija, ta’ safa tal-ġenna
fejn b’kull hena jimtlew it-tajbin.
Glorja lilek O Gejtanu.

Kif tlaqt minn din il-ħajja ngħaqadt int mal-Mulej
u dħalt fis-Saltna tiegħu, is-saltna tal-Feddej.
U Alla fetaħ driegħu u laqgħek mat-tajbin
u xeddlek il-kuruna li jagħti ‘ll-Qaddisin.

Għax int Gejtanu Mqaddes,
erfajt b’għożża s-Salib
U Kristu Iben Alla
kien tiegħek il-ħabib.

B’hekk żejnek bl-akbar glorja
B’hekk żejnek bi qdusija
B’hekk aħna llum ngħajtulek
Nagħtuk l-akbar foħrija.

Gejtanu insellmulek! Gejtanu infaħħruk!
Gejtanu ngħajtulek…- Missierna nħobbuk! -

Gejtanu Missierna, Gejtanu għażiż
Gejtanu Gejtanu – Gejtanu Qaddis!
Glorja! Glorja!
Glorja lil Gejtanu!

Anselm Sciberras
1992

Nihil obstat
Die 3 Sept 1993
J. Lupi
Cens. Theol.
Imprimatur

Datum in Curia Arch. Florianae
Die 3 Septembris 1993
Annetto Depasquale
Vic. Gen.

il-kliem bil-korsiv ma ġiex inkluż fil-Kantata mmużikata


Indiċi

Inno A San Gaetano

Din hija l-poeżija li fuqha nbnew it-tieni u t-tielet Innu/Kantata f’ġieħ San Gejtanu. Dawn huma xogħol Mro. Antonio Micallef li kellu l-ewwel eżekuzzjoni fl-1921, u xogħol Mro. Ġanni Grech li nstema’ għall-ewwel darba fl-1924. Kittieb il-versi mhux magħruf.

Esultiamo si inneggiando
A Gaetano il grande Santo
Calda prece in dolce canto
Eleviam a Lui nel ciel.
Nostra causa si giusta,
Dopo Paolo, o Gaetano,
Tu presenta al gran Sovrano
Nostro Dio Emanuel.

Ai tuoi piedi genuflesso
Questo popolo che t’ama
Deh! Soccorri or che ti chiama
Con ardore e viva fe.
Nella prova e nel cimento
Tu la patria conforta,
Tu con Paolo ci apporta
Della supplica merce.

Nella vita, nella lotte,
Quand’incalza la bufera,
Sia la dolce tua maniera
Nostra guida e lume ancor
Quel Bambino che avesti in braccia
In quel estasi beato,
Tu, tre volte incoronato
Ce lo fa propizio ognor.


Indiċi

Innu Popolari Lil San Gejtanu

versi: Dun Frans Camilleri

mużika: Anton Muscat Azzopardi

Xerrdu l-ferħ minn qlubkom hienja
Kbar u żgħażagħ u `kejknin
F’dan il-jum sabiħ ta’ festa
Ma’ Gejtanu magħqudin.

O Gejtanu, ibqa’ magħna,
Biex tgħallimna lkoll nixbħuk
Fil-qdusija u fl-imħabba
O missier aħna nħobbuk.

Int ħabbejt fuq kollox ‘l Alla
U batejt bil-qalb għalih.
Qalb il-faqar u t-tbatija
Liema tama kellek fih:
O Gejtanu, ibqa’ magħna,

Lilu qdejt bi mħabbtek kollha
Bl-għerf u l-ħeġġa fost l-erwieħ
Lilu xtaqt maħbub mill-kotra,
Ħdimt għalih bla taf mistrieħ.
O Gejtanu, ibqa’ magħna,

Int saħħaħt il-Knisja Tiegħu,
Ta’ l-għedewwa l-qerq irbaħt,
Ma’ Ġesù fl-Ewkaristija
Bl-oħla mħabba l-qalb ressaqt.
O Gejtanu, ibqa’ magħna,

Int ħabbejt bi kliem tas-sema
Tagħti d-dawl lill-midinbin
Int ressaqthom lejn is-sema
U ħabbewk, Missier ħanin.
O Gejtanu, ibqa’ magħna,

Qalb il-foqra, qalb il-morda,
Xħett il-hena tas-smewwiet,
Imlejt qalbhom b’dawl il-faraġ,
B’sabar kbir u bit-tamiet.
O Gejtanu, ibqa’ magħna,

Kemm hi ħelwa l-għaqda m’Alla
Fit-tbatija, fit-tiġrib!
Fi ħlewwiet l-imrar jinbidel,
F’hena u faraġ is-salib.
O Gejtanu, ibqa’ magħna,


Indiċi

Kantata Lil San Gejtanu

Din hija l-poeżija tar-raba’ Kantata f’ġieħ San Gejtanu misjuba fl-Arkivju Mużikali tal-Għaqda. Hija xogħol il-poeta Dun Frans Camilleri. Ġiet immużikata minn Mro. Joseph Abela Scolaro u nstemgħet għall-ewwel darba fl-1947, meta tfakkar ir-raba’ ċentinarju mill-mewt ta’ San Gejtanu.

Insellmu, inqimu
Bil-ħlewwa, b’imħabba
U nfaħħru ‘l Gejtanu.
U nqimu u nbierku
Lil Alla li żejnu
Bil-kobor ta’ ħdanu.

Tfewwaħ dil-art bil-ġilji
Li jsebbħu kullimkien
Bi lbies ta’ ġmiel u bjuda
Fil-ġonna, fil-widien.
U jgħannu lkoll l-għasafar
Bl-ilwien ta’ ward sabiħ;
B’leħenhom ‘il Alla jfaħħru
Bil-qalb mitlufa fih.

Għax Hu jħobbhom bil-ġmiel iżejjinhom
Biex igħallimhom ilkoll iħobbuh
B’dik il-ħlewwa lkoll iħobbuh
Hu jismagħhom kull ħin ifaħħruh.
Te Deum Laudamus, eċċ.

Bħall-warda li qed tiftaħ,
Li tarmi l-ġmiel u l-fwieħa,
Twelidt, Gejtanu Mqaddes
U rmejt dija sabiħa
Ta’ għerf u ta’ qdusija
Ta’ ħniena, ferħ u mħabba
Fid-dinja kollha frugħa,
Bil-qerq u l-ħtija mtabbgħa.

B’dik il-ħeġġa biex tgħallem is-Sewwa,
Biex ixxerred Saltnatu fuq l-art,
O Gejtanu, għallimna biex bħalek
Nagħtuh qima kif Lilu faħħart.

Xi ħlewwa ġewwa mħabbtek
Biex taqdi lill-Mulej,
Biex trodd ‘il bnedmin kollha
Fi ħdan Ġesu’ Feddej!
Oh liema ħeġġa qalbek
Mal-morda, mal-fqajrin!
Xi kliem ħanin fuq fommok
Fil-qlub tal-midinbin!

Bħal Ġesu’, biex tgħallimna t-tbatija
Ħrabt il-għana u fil-faqar inħbejt.
B’dik il-qalb li taf tħenn u taf tagħder
Int lill-foqra, Gejtanu, ħabbejt.

Ħelwa t-tgħannieqa m’Alla.
B’tama qawwija fiH!
Imbierek int, Gejtanu,
F’imħabbtu biss mistrieħ!
Quddiemek Ġesu’ Ostja,
Li xtaqtu dejjem ħdejk,
Mis-Sema niżel Tfajjel
Bil-ħlewwa fuq idejk.

B’dik il-ħlewwa ġo ħdanek ilqagħna
Lilna kollha, O Gejtanu maħbub!
Żommna miegħek, f’dil-għaxqa ta’ mħabba,
F’din il-barka li tiġbor il-qlub!
Te Deum laudamus eċċ

Nihil Obstat, Datum Melitae, die 24 Junii, 1947.

Fr. Bernardus Ma. a Hamrun O.F.M. Capp. Censor Theol.