Id-Devozzjoni Lejn San Gejtanu F’Malta

Jekk id-devozzjoni lejn Gejtanu Thiene xterdet mal-Italja kollha fi ftit ġimgħat, jekk mhux jiem, wara mewtu, din ma ħaditx snin kbar biex messet lill-gżejjer tagħna. Nafu b’dokumentazzjoni li d-devozzjoni lejh waslet ferm kmieni, tant li għad kien għadu mhux magħruf bħala Beatu jew Qaddis, kien daħal f’qalb il-poplu li lejh kien jirrikorri. F’Malta nsibu ikonografija tiegħu mill-ewwel żmenijiet li ssejjaħ Beatu u fi ktieb ta’ Stefano Pepe, maħruġ f’Venezja fl-1662, 9 snin qabel ma Gejtanu kien dikjarat Qaddis, insibu paġni jirrakkontaw u jagħtu dettalji dwar festa kbira f’Malta ad unur il-Beatu Gejtanu Thiene.

Insibu miktub: ‘ Mimlija bi trofej mirbuħa u meħuda lill-Ottoman, l-Iskwadra ta’ Malta waslet lura, wara r-rebħa li bl-għajnuna kbira tas-Sema kisbet fuq ħafna iġfna Torok, fl-assistenza li tat lill-armata tar-Repubblika Venezjana (1656). Kien Ġeneral il-Prijur della Roccella, Fra D. Gregorio Carafa... Huwa qabel ma wera dak merbuħ fil-port, bil-ħsieb li jrodd ħajr lis-Sema u jwettaq l-obbligi tiegħu, kiteb lil P.D. Carafa, prepostu f’Napli. Qallu - Taf bir-rebħa glorjuża li Alla l-Imbierek għoġbu jagħtina kontra t-Torok..... irrid ngħidlek imma li lkoll kemm aħna nattribwixxu r-rebħa għall-miraklu tal-Beata Verġni , li l-istandard tagħha nżamm fil-poppa, kif ukoll għall-glorjuż Beatu Gejtanu, li x-xbieha tiegħu, b’fidi kbira, ittellgħet minna mal-arblu l-kbir tax-xini tiegħi. Minkejja l-attakki u l-isparar għal fuqna .... lanqas balla waħda ma laqtet ix-xini tiegħi, u dan meta kien l-aktar wieħed espost.-

Dan il-fatt xerred u żied bil-kbir id-devozzjoni lejn il-Beatu Gejtanu ġewwa Malta u ħafna kienu dawk li frekwentaw il-kappella ddedikata lilu fil-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu ġewwa l-Belt.

Cesare Passalacqua, Ministru tal-Interessi Ewlenija tal-Ordni, permezz ta’ ittra datata 25 ta’ Settembru 1656 kiteb hekk dwar il-festi li saru f’ġieħ il-Beatu Gejtanu Thiene.

“Lilek Vostra Paternita’ Molto Riverenda, bħala li waqqaft u protettur tal-altar tal-Beatu tagħna Gejtanu, kun af li wara t-tluq tiegħek għat-taqbid, il-poplu baqa’ jikkonkorri lejn il-Beatu Gejtanu għall-adorazzjoni. Iżda d-devozzjoni tant kibret mal-aħbar tar-rebħa tas-26 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, mill-armata ta’ Venezja bl-għajnuna u s-sokkors tas-seba’ xwieni ta’ din is-Sagra u Eminentissima Ordni, taħt it-tmexxija tiegħek Eċċellenza Sinjur Fra Don Gregorio Carafa, Prijur della Roccella, għaliex fl-ewwel attakk fuq l-armata Torka, int invokajt l-għajnuna ta’ San Ġwann il-Battista u f’isem il-Beatu Gejtanu tajt l-ewwel assalt għal dan l-għan hekk kbir. Hekk saret l-ewwel festa nhar it-7 t’Awwissu li għadda (1656).

Mhux se noqgħod ngħidlek dwar l-apparat ta’ damask, pitturi u aktar ġewwa l-knisja, għax tista’ tobsor. Ngħidlek iżda li saret festa f’ġieħ il-Beatu Gejtanu li damet tmint ijiem sħaħ, bl-altar tiegħu miksi bix-xemgħat. Mexxa ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejletjum il-festa Monsinjur Isqof bl-assistenza tal-Kavallieri u s-Sinjuri tal-Gran Croce. Il-Granmastru (Fra Jean Paul Castellar), billi ma setax jieħu sehem minħabba l-marda tiegħu, ried pittura tal-Beatu, f’kamartu biex iqimu u sallum din għadha hemm. Il-festi ssoktaw b’mużika, logħob tan-nar, u dwal fil-pjazez u fuq id-djar.

Fil-lejla ta’ jum il-festa, 7 t’Awwissu, saret kavalkata mill-aqwa bis-sehem ta’ sebgħin Kavallier ġejjin minn diversi nazzjonijiet, u sinjuri oħrajn bit-torċi f’idejhom, u b’żewġ paġġi ma’ kull wieħed minnhom, ilkoll bit-torċi mixgħula. B’kollox in-numru qabeż it-tliet mija. Kien hemm ukoll karru kbir imdawwal li ġarr ix-xbieha tal-Beatu Gejtanu u tal-Ordni Ġerosmolitan. F’dan kien hemm kori ta’ mużika. Imxew mat-toroq tal-Belt, u għaddew l-ewwel minn quddiem il-bieb ewlieni tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu, fejn hemm l-altar tal-Beatu, u wara baqgħu sejrin fuq is-sur li jħares fuq fejn huma miżmuma kwarantina x-xwieni u l-iġfna. B’devozzjoni lejn il-Beatu, x-xwieni kienu mimlija dwal. Saritilhom tislima mill-Kavallieri tal-Kavalkata permezz tal-pistoli, u mix-xwieni nstemgħet tidwi r-risposta fit-tislima permezz tal-artillerija u mortaletti, b’mod li l-aktar anzjani stqarrew li qatt qabel ma saret festa hekk kbira b’tant torċi u b’kobor ta’ kavalkata.

Hekk minn kulħadd kienet introdotta n-novena, b’attendenza fil-knisja ta’ ħafna persuni li ġew mill-ibliet, mill-Birgu u mill-gżira tal-Isla, u sar sawm, qrar u tqarbin. Ħadd ma jiċħad li ma kienx Alla li ried dan kollu permezz ta’ dan il-Beatu Gejtanu, serv tiegħu, li qaddes u tana dawk il-grazzji kollha li aħna nitolbu għalihom.”

Jekk hawn fuq tkellimna dwar l-ewwel festa f’Malta f’ġieħ Gejtanu Thiene, meta dan kien għadu Beatu, nagħtu issa ftit ħjiel dwar il-Kappella iddedikata lil San Gejtanu misjuba f’Wied il-Għajn.

Din tinsab madwar 50 metru bogħod mit-Torri Mamo. Il-kappella kienet inbniet mill-istess familja Mamo. Hi ġuspatronat u ttellgħet b’mod benefiċċjali fl-istess sena li fiha nbena t-Torri Mamo, jiġifieri fl-1657. Il-bennej tal-Kappella kien Ġorġ Mamo, u poġġiha taħt il-protezzjoni tal-Beatu Gejtanu Thiene. B’hekk naraw li din il-Kappella f’Malta ddedikata lil Gejtanu, twaqqfet 13-il sena qabel ma dan ġie ddikjarat Qaddis.

Id-devozzjoni lejh kompliet tixtered tant li f’bosta nħawi tal-gżejjer, kemm fit-tramuntana u kemm fin-nofsinhar, kif ukoll fiċ-ċentru, nsibu altari, kwadri u sotto kwadri juru lill-Qaddis tal-Providenza. Waqt li ġa semmejna kemm tmur lura d-devozzjoni lejn San Gejtanu fil-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu fil-belt Valletta, tajjeb jingħad ukoll li ġewwa l-knisja ewlenija ta’ Malta, il-katidral tal-Imdina, insibu altar iddedikat lil San Gejtanu.

Għal xi żmien, l-aktar wara t-tluq tal-Kavallieri, id-devozzjoni lejh f’Malta bħal battiet xi ftit, sakemm f’Malta kien hawn l-Isqof Gaetano Pace Forno li ħadem sħiħ biex tinbena u l-Knisja tal-Ħamrun, li fuq xewqa tiegħu tpoġġiet taħt il-patrunaġġ ta’ San Gejtanu Thiene.

Ġewwa Għawdex, fir-raħal ċkejken ta’ Fontana, insibu statwa tiegħu qed jirċievi l-Bambin minn id il-Madonna. Din tintrama kull sena fis-7 t’Awwissu u dakinhar fil-knisja Parrokkjali tal-Fontana issir iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-Qaddis.