Robert Bencini

Il-President Robert Bencini twieled nhar il-21 ta’ Marzu 1889. Kien tewmi ma’ ħuh Ġanni u huma t-tnejn kienu parti mill-grupp li waqqfu il-Camera di Lavoro li fl-1920 saret il-Partit Laburista. Serva fuq l-ewwel Kumitat Eżekuttiv ta’ dan il-Partit.

Kien attiv ħafna fit-trejdunjoniżmu. F’Awwissu 1920 kien involut fl-organizzazzjoni tal-Workers’ Union u indirizza ġemgħa kbira ta’ ħaddiema ġewwa t-Teatru Manoel. Meta twaqqfet il-Workers’ Union Branch No. 3, speċifikament għall-ħaddiema tal-privat, hu kien elett l-ewwel President tagħha. Kien ukoll segretarju tal-Joiners Union (1921-22).

Robert Bencini kkontesta l-elezzjonijiet ġenerali tal-1924, 1927 u 1932 f’isem il-Partit Kostituzzjonali. F’Novembru 1945 kien elett fil-Kunsill tal-Gvern f’isem il-Partit Laburista, u fl-1947 f’isem l-istess Partit fl-Assemblea Leġislattiva. Meta l-Partit Laburista nqasam, Bencini ngħaqad mal-grupp ta’ Pawlu Boffa. Sentejn wara huwa ngħaqad mal-Malta Labour Party mmexxi minn Mintoff. Ikkontesta l-elezzjonijiet tal-1950 u 1951 iżda ma ġiex elett, u rtira mix-xena politika.

Robert Bencini nħatar President tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu fl-1924. Taħt it-tmexxija għaqlija tiegħu, l-Għaqda għamlet passi kbar ‘il quddiem. Kien fi żmienu li ġie akkwistat il-lokal preżenti, il-Palazz Thiene, u kien fi żmien il-Presidenza tiegħu li l-Banda marret iddoqq Sqallija f’Ragusa għall-festi ta’ San Ġwann Battista. Fl-1931 huwa mexxa lill-Għaqda fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 anniversarju tagħha. Tul il-Presidenza tiegħu l-Għaqda kabbret ferm ħidmietha fl-oqsma kulturali u sportivi. Dati oħra storiċi li l-Għaqda għaddiet minnhom tul il-Presidenza tiegħu kienu s-snin tal-gwerra meta l-Każin ntuża mill-Gvern kemm bħala skola u kemm bħala Qorti, u l-1947 meta kien iċċelebrat l-400 anniversarju mill-mewt ta’ San Gejtanu.

Robert Bencini rtira minn President tal-Għaqda fl-1955. Miet fl-20 ta’ Diċembru 1967.