Poeżiji / Innijiet
- K.Ż.T. - Anselm Sciberras
- Għanja ta' Sebħ
- Innu Lil San Ġwann Battista
- Dlonk Nikber
- Kewkba Tiddi Ta’ Pajjiżna
- Innu Lil Banda San Gejtanu
- Innu Lil Ħamrun
- Lil Banda "San Gejtanu" Ħamrun
- Innu tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu
- Innu Marċ Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin
- Sultana Ta’ Raħalna
- Tifħir Lil Kristu Sultan li tana Lil Dun Ġorġ
K.Ż.T.
ta'
Anselm Sciberras
Ifakkru bil-ferħa iż-żgħażagħ miġbura
il-jum meta fteh’mu li jnisslu ħsieb ġdid
u wegħdu bejniethom li ħilthom sew jagħtu
biex l-Għaqda maħbuba żgur tikseb kull ġid.
Fis ġew fis inġabru, ingħaqdu ferħana
u tkellmu u fasslu programm sħiħ ta’ xogħol.
Bdew jagħmlu il-festi, l-ikliet u id-diskows,
u ġibdu liż-żgħażagħ, ‘ll-anzjani ukoll.
Minn sena għal sena kemm ġabru strumenti
li taw b’qalbhom kollha lill-banda flimkien.
Kemm ħadmu għall-briju, kemm ħolqu disinni
u tkabbru b’li wettqu, għax bħalhom imkien.
L-imħabba li għandhom lejn l-Għaqda Tamlija
tħeġġiġhom, twassalhom biex qatt ma jgħejjew.
Il-ħidma li jwettqu din tgħin il-ħin kollu
għax jaħdmu bil-għaqal u jaħdmu wisq sew.
Minn fosthom ġa ħarġu mexxejja tal-Għaqda.
Minn fosthom ġa ħarġu imsieħba ta’ ġieħ.
B’ħilithom, b’ħidmiethom, isawru l-ġejjieni
biex b’hekk il-lewn aħmar żgur jibqa’ rebbieħ.
Iftaħru u tkabbru ja żgħażagħ miġbura
u aħdmu minn qalbkom għall-ġid tal-każin.
Irsistu b’kull ħila biex l-għaqda f’pajjiżna
ma tgħib qatt minn fostna… tirrenja kull ħin.
Unur kontu dejjem għall-Għaqda Maħbuba.
Unur komplu kunu ja Żgħażagħ Tamlin.
U dil-Kummissjoni b’hekk tibqa’ magħduda
bħal ġawhra mill-isbaħ ġo nofs il-Każin.
1997 – F’għeluq l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin
fi ħdan l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, Ħamrun
Għanja ta' Sebħ
Omaġġ lill-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu
mużika: Mro. Ray Sciberras
versi: Anselm Sciberras
Qalbna tifraħ - Qalbna tkanta.
Qalbna tgħanni dina l-għanja kollha ġieħ.
Hawn magħquda - taħt il-ħmura
li qed jixħet l-istandard tagħna rebbieħ.
O kemm huwa sbejjaħ dak l-isem li ġġorr.
Idaħħal il-ħlejju u jbiegħed il-morr.
'Gejtanu' hu l-isem li dejjem jimlik.
Iġiegħel l-imħabba tkun hi li tmexxik.
Bħal ward illi jgħaxxaq ġo ġnejna li tfuħ
il-ħidma tal-Għaqda qed timla kull ruħ
u tiswa biex tgħallem, biex tkabbar u żżid,
isseddaq u tqawwi ġo nofsna kull ġid.
Ja Għaqda San Gejtanu - B'dak l-isem tal-Patrun
Issebbaħ dejjem beltna - Int ġawhra tal-Ħamrun.
Ja Għaqda San Gejtanu - Għax int ħabbejt ix-xogħ'l
Erbaħt kull għelt tal-ħajja - Stagħnejt b'kull ġid ukoll.
Bħat-tjur li jittajjar fis-sema sabiħ
In-noti jingħaqdu u jtiru mar-riħ
Biex jaslu fl-irkejjen tal-gżejjer Maltin
Inisslu ġo artna ucuħ ferħanin.
Infaħħru, inkabbru 'l din l-Għaqda hekk kbira
Li magħha u ħdejha il-folol tattira
Mal-muż'ka ningħaqdu u ngħannu ferrieħa
Infaħħru, insebbħu 'l din l-Għaqda Rebbieħa.
Rebbieħa. Rebbieħa. Rebbieħa.
Ja Għaqda San Gejtanu - Bil-muż'ka li daqqejt
Bil-ġmiel tal-arti ħelwa - 'Il fuq 'l ismek għollejt.
Qalbna tifraħ - Qalbna tkanta.
Qalbna tgħanni dina l-għanja kollha ġieħ.
Hawn magħquda - taħt il-ħmura
li qed jixħet l-istandard tagħna rebbieħ.
Tagħna Rebbieħ!
1998
Innu Lil San Ġwann Battista
Protettur tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu
versi: Anselm Sciberras
mużika: Mro. Ġorġ Debono LLCM
Miġjietek imħabbra mill-anġlu ħabbar.
F’ġuf ommok issawret il-qalb kollha nar.
Kien nar ġej mis-Sema, qarib ta’ Ġesù,
Li saħħek u żejnek b’kuraġġ u b’virtù.
Profeta ta’ l-Għoli maħtur Prekursur
Ħejjejt kollok ħeġġa it-triq għas-Sinjur.
B’għemilek u b’kelmtek imlejt sewwa l-qlub,
Bis-safa urejtna il-qirda tad-dnub.
Imqaddes, imbierek, O Ġwanni l-Għammied
Mis-Sema qawwina bi ħlewwa, b’ridiet
Li ngħarfu, li nħobbu l-Ħaruf tal-Ħallieq
Biex bħalek għalina Hu biss ikun triq.
Imqaddes, imbierek, O Ġwanni l-Għammied
Int Martri ta’ Kristu, rebbieħ fis-smewwiet.
Bi kliemek imqanqal lix-xagħri biddilt.
Lill-għonja, lill-foqra, fih ġbart u niżżilt.
Dak leħnek ta’ saħħa bħal knifed il-blat
X’ħin melles bħal żiffa, x’ħin ħasad bħar-rgħad.
U ħafna lejk resqu bit-tama fil-qalb
U ġew biex jitgħammdu mitlufa fit-talb.
“Indiema! Tħejjija għax ġej il-Mulej”
Ħejjejt l-aħjar trejqa għal Sidna l-Feddej.
Imqaddes, imbierek, O Ġwanni l-Għammied, eċċ.
Mal-ġemgħa lejk resaq jitgħammed fis-skiet
L-Imgħallem ta’ kollox u sid is-smewwiet.
Quddiemek kien l-Iben li hu f’unità
Mat-tajra, mal-leħen, li wrew Trinità.
Minn fommok dik l-għajta li dwiet kullimkien
U swiet biex bit-tama jimtela’ l-ħolqien:
“Indiema! Tħejjija! Ta’ ferħ hu dal-kliem.
L-Imħabbar hawn qiegħed! Tad-dalma ġab tmiem!”
Imqaddes, imbierek, O Ġwanni l-Għammied, eċċ.
Profeta ta’ l-Għoli li mimli kuraġġ
Ma bżajtx matul ħajtek iżżomm mal-messaġġ
Li s-Sewwa biss twassal għall-ħajja ta’ ġieħ
Li s-Sewwa biss teħles mid-dnub lill-erwieħ.
Int bqajt tgħanni s-Sewwa fil-waqt tat-tiġrib.
Salibek kien żifna li saret fil-qrib
W Erodi fit-telfa, maħkum minn din l-art
Bis-sejf bla jaf daħħlek ġo ġenna ta’ ward.
Imqaddes, imbierek, O Ġwanni l-Għammied, eċċ.
3 ta’ Jannar 2008
Dlonk Nikber
b’tifkira ta’ twelid il-Ħamrun
f’għeluq il-125 sena tal-Parroċċa ta’ San Gejtanu,
nhar l-1 ta’ Diċembru 1881 - 2006
mużika: Mro. Ray Sciberras FLCM
versi: Anselm Sciberras
L-Ewwel Parti
U l-poplu kompla jikber
U n-numru dejjem żdied
U l-poplu xtaq li jitlob
U knisja ġdida ried
Kien l-Imħallef Conti li ħareġ biċċa art biex fuqha tibda tinbena l-knisja l-ġdida. Il-Gvern għen f’dan il-proġett billi ta tliet mitt lira b’riżqu. U l-arkitett inġinier, Giorgio Constantino Schinas ħażż il-pjanta.
U sebaħ il-jum li fih tqiegħdet l-ewwel ġebla – it-18 ta’ Lulju ta’ l-1869.
U sebaħ il-jum li fih il-knisja tbierket u fiha laqgħet lill-poplu li tant xtaqha – il-11 ta’ Lulju ta’ l-1875.
U sebaħ il-jum ta’ l-1 ta’ Diċembru ta’ l-1881, meta l-Isqof Konti Karmenu Scicluna, waqqaf din il-knisja bħala Parroċċa, u l-inħawi ħallew l-irbit li kellhom ma’ Birkirkara, mal-Furjana u ma’ Ħal Qormi.
U mat-twelid tal-Parroċċa, twieled raħal ġdid…
Twieldet l-art ta’ San Gejtanu…
Twieled il-Ħamrun
Fejn darba qalb ir-raba’ kien hemm trejqa
Bl-għelieqi jħaddru jagħtu l-itjeb frott
In-nies malajr inġabret tgħix u taħdem
Minn qalbha ħajr lil Alla dejjem trodd.
Fejn darba l-kavallieri kienu jfittxu
mistrieħ u sliem fil-kwiet ta’ dan-naħiet
inbena dan it-tempju biex lis-sema
jitolbu l-antenati il-barkiet.
Hekk inti Ħamrun tagħna li bdejt b’erbat idjar
Ilqajt lin-nies fi ħdanek mill-bidu ħsiebek ċar.
Dlonk Nikber fuq sider sod azzar
B’ħaddiema bieżla - dar-raħal far
Bix-xogħol kontinwu – mill-kbar u żgħar
Fil-ġisem saħħa – fid-demm in-nar
U l-poplu miegħek trabba’ ġo fik tkattar
Lil ismek daħħal f’qalbu u bih tkabbar
Ħamrun
Ċentru ġo Malta dar-raħal sar.
It-Tieni Parti
Dlonk Nikber ktibt fuq sidrek
U kbirt permezz tax-xogħol
Dlonk Nikber ktibt ġo qalbek
U kbirt bis-sewwa wkoll.
Għaliex ilqajt fuq artek
Il-ħwienet tal-ħaddiem
U d-djar tax-xjuħ, ta’ l-orfni
Biex fik isibu s-sliem
Dlonk Nikber ktibt fuq sidrek
U kbirt bil-ħafn’ għaqdiet
Li mlew il-ħajja tiegħek
Permezz t’għadd ta’ ħidmiet
Ħadt isem kulturali
Ħadt isem sew sportiv
Magħruf mal-gżira kollha
Għax int dejjem attiv
Dlonk Nikber ktibt fuq sidrek
U kbirt b’talenti kbar
Li tħaddmu fi triqatek
F’każini, pjazez, djar
Artisti mużikanti
Kittieba magħrufin
Skulari u dutturi
Ġieħ huma tal-Maltin
Dlonk Nikber ktibt ġo qalbek
U hemm inqaxxtha sew
U kbirt fir-ruħ u l-ġisem
Ħidmietek irnexxew
Dlonk Nikber ma’ Gejtanu
Ġo fik dejjem il-ħsieb
U ħdimt biex niesek b’ismu
Ikunu dejjem ħbieb
Dlonk Nikber ktibt ġo moħħok
Dlonk Nikber f’qalbek ktibt
Dlonk Nikber mexxa ħsiebek
B’hekk inti kull ġieħ ksibt
Dlonk Nikber ktibt ġo moħħok
Dlonk Nikber f’qalbek ktibt
Dlonk Nikber mexxa ħsiebek
B’hekk inti kull ġieħ ksibt
It-Tielet Parti
Insellmulek Ħamrun tagħna
għaliex magħna marbut sew
Ismek jimla dejjem qalbna
u nfaħħruk qatt ma ngħejjew
Inwiegħduk li f’dak li nagħmlu
xejn ma nbarru mid-drawwiet
Li ħallew missirijietna
u li kienu bħal barkiet
Għall-ġid tiegħek nibqgħu naħdmu
biex lil ismek żgur ngħolluh
Sew b’ħilitna sew b’saħħitna
lill-Ħamrun l-aqwa nagħtuh
Ibq’ għaddej hekk sod u qawwi,
ibq’ għaddej sħiħ u magħqud
Ħamrun tagħna ġenna għ’lina
tibqa’ int dejjem magħdud
Kattar l-għaqda barri l-firda
kompli għix dejjem fis-sliem
Kompli ikber kompli ssaħħaħ
b’ħarstek soda ‘il quddiem
Art maħbuba raħal tagħna
kont u tibqa’ dejjem tkun
Minn qiegħ qalbna ngħidu dejjem
Viva Viva il-Ħamrun
Illum b’ħeġġa aħna mlejna dan it-tempju hekk sabiħ
Illi tagħna kien il-bidu u madwaru kbirna sħiħ
Sabiex bl-akbar ħajr ġo qalbna noffru l’Alla il-ħidmiet
Illi jsiru f’dan ir-raħal u nitolbu il-barkiet
Biex raħalna jibqa’ mgħannaq ma’ Gejtanu il-Patrun
U Gejtanu jibqa’ jbierek u iqawwi lill-Ħamrun.
20 u 21 ta’ Mejju 2006
Kewkba Tiddi Ta’ Pajjiżna
Innu Popolari Lil San Ġorġ Preca, Protettur tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu
Kliem: Anselm Sciberras
Mużika: Ray Sciberras F.L.C.M.
Kewkba tiddi ta’ pajjiżna,
Ruħ imbierka mill-Mulej,
Qalb mimlija kollha mħabba,
Fomm ifaħħar lill-Feddej.
Int għaraft il-ħtieġa kbira
Ta’ tagħlim kliem is-smewwiet.
Ġbart il-lajċi w għallimt lilhom
Bit-tiġdid din Malta mtliet
Dun Ġorġ Preca, Int beriktna
Meta mxejt ġewwa l-Ħamrun.
Ma’ Gejtanu mudell tiegħek
Inti f’qalbna dejjem tkun.
Inti ktibt kliem ta’ sbuħija
Ħsibijiet li fawru ‘l qalb
Kotba sħaħ għejjun mimlija
Sliem fil-fidi, serħ fit-talb.
Ġesu` Kristu mela ħajtek
Ħsiebek miegħu dejjem dar,
Qalbek tħabbat mal-Qalb Tiegħu
Teqred dubji, dlam u ċpar.
Dun Ġorġ Preca, Int beriktna, eċċ.
Qassis umli, raġel twajjeb
Li missejt qlub il-Maltin,
Nitolbuk tibqa’ tberikna
Fl-emmna żommna magħqudin.
Qaddis ħuna qrib ta’ Sidna
Fik naraw tal-fidi sur,
Kull għemil u kull nifs f’ħajtek
Kien lejn Alla bukkett fjur.
Dun Ġorġ Preca, Int beriktna, eċċ.
Aħna l-poplu l’Int għext miegħu
Inżommuk għal dejjem b’dawl
Int urejtna ġmiel il-bxara
Li ġab fostna kien San Pawl.
Hawn miġbura l-Ħamruniżi
Qrib dat-tempju fejn Int ħdimt,
Inwiegħduk Dun Ġorġ li nħarsu
Il-messaġġ l’ Inti għallimt.
Dun Ġorġ Preca, Int beriktna, eċċ.
Innu Lil Banda San Gejtanu
versi: Dun Frans Camilleri
mużika: Joseph Abela Scolaro
Lill-Banda tal-Patrun
Li jħares lill-Ħamrun
Imżejna b’isem kbir
Nagħtuha l-aqwa ġieħ u kull tifħir.
Insellmu ferħanin
Mal-Banda magħqudin
‘Gejtanu qlubna fik
Missier, aħna nħobbuk nitkabbru bik!’
Banda tagħna, rebbieħa irriduk!
Semma’ l-ħlewwa mat-toroq tal-Ħamrun.
Malta kollha qima
Troddlok dit-tislima
‘Tifħir lilek kull fejn int tkun!’
Banda tagħna, rebbieħa irriduk!
Semma’ l-ħlewwa mat-toroq tal-Ħamrun.
Malta kollha qima
Troddlok dit-tislima
‘Tifħir lilek kull fejn int tkun!’
Innu Lil Ħamrun
Versi ta’ Dun Frans Camilleri
Mużika ta’ Mro. Albert Borg O.S.A.
Kbir fil-medda ta’ artek sabiħa,
Bħal belt ġdida d-djar tiegħek ferrixt;
Kbir fil-ġrajja ta’ Malta rebbieħa,
Il-qlubija ta’ mħabbtek insiġt.
Lilek għażlu l-Mexxejja ta’ Malta,
Dar l-Iljuni, fit-tarf tal-Ħamrun;
Minn fuq l-għolja tas-Samra l-kanuni
Ħarbtu u rebħu qawwiet Napuljun.
Insellmulek, Art twelidna,
Dejjem sbejħa nixtiquk,
Omm li tajtna l-isem tiegħek,
Kif jixraqlek inħobbuk!
Iġbor lilna bħala wliedek
Fi ħsieb wieħed magħqudin;
Infaħħruk u bl-għemil tagħna
Nagħtuk ġieħ ilkoll kburin.
Art it-tama fil-ħniena ta’ Alla
Mal-iltiema, max-xjuħ, mal-fqajrin,
Kif għallimna l-Imqaddes Gejtanu
Missier tagħna maħbub u ħanin.
Art imbierka fejn ħadmu bla heda
Il-qalbiena li inti kennint:
Kbar u żgħażagħ, magħrufa u bla isem,
Li b’ħidmiethom stagħnejt u żżejjint.
Insellmulek, Art twelidna, eċċ.
Lil Banda "San Gejtanu" Ħamrun
fl-okkażjoni ta’ għeluq il-ħamsin sena ta’ għomorha
Anton Buttigieg
Orpheus għadda mat-triqat tal-Greċja
Idoqq ħlewwiet tal-għaġeb bis-suffara,
U kaxkar għal warajh tad-daqq bis-seħer
Il-blat u s-siġar u l-għargħar tax-xmara.
Ja Banda SAN GEJTANU bħal Orpheus
Għaddejt timmarċja mat-triqat Maltija,
U miegħek Int kaxkart, mhux blat u siġar,
‘mma l-qlub li għandhom fihom l-armonija.
Ja Banda SAN GEJTANU ssokta miexja,
Naddaf il-qlub bid-daqq, naqqihom sewwa
Mill-korla, mill-mibgħeda u l-ebusija,
U mliehom kollha ġmiel u sliem u ħlewwa;
Issokta miexja bla ma qatt tixjieħ,
Sakemm tħobb biss it-Tajjeb u s-Sabiħ!
1956
Innu tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu
versi: Alfred Degabriele
mużika: Ray Sciberras
F’qalbna jfur biss għana ħlejju
Li xerridna tul is-snin;
Bih ferraħna, bih qawwejna
żgħażagħ, kbar, sħaħ u dghajfin.
Għax fittixna Dawl is-Sewwa
Sibna fl-Għaqda ferħ u sliem;
Sibna l-ħeġġa li għenitna
Nimxu dejjem ‘il quddiem
Rit:
Lilkom li l-bieraħ bnejtu
Lilkom li llum ir-ruħ,
l-oħla u l-isbaħ innu
b’għożża u b’ħajr noffruh.
Innu Marċ Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin
versi: Anselm Sciberras
mużika: Ray Sciberras
B’entużjażmu w ħeġġa flimkien magħqudin
Aħna ż-żgħażagħ miġburin
B’entużjażmu w ħeġġa ilkoll inkantaw
Demmna jbaqbaq għax Tamlin
U għalhekk aħna llum qed niċċelebraw
U dejjem nistinkaw
{id nitħallmu għall-Każin.
Għal dejjem ma’ tat-Tamal!
Għal dil-Banda kbira tagħna it-Tamlin
B’ħeġġa nagħtu tagħna l-ħin
Ma’ dil-Banda kbira tagħna it-Tamlin
Nibqgħu dejjem imħeġġin
U għalhekk l-Għaqda żgur f’qalbna dejjem tkun
Il-għaxqa tal-Ħamrun
B’San Gejtanu il-Patrun.
Għal dejjem ma’ tat-Tamal!
trio:
Ħidma bla waqfa qed inwettqu f’dan il-Każin
F’dell l-istandard dejjem ħamran miġburin
Għall-Għaqda tagħna nkunu ġieħ
Bi briju sabiħ
Dil-Kummissjoni tkun f’kull ħin
Ta’ ġieħ għat-Tamlin.
Żgħażagħ miġbura f’dan il-jum ta’ festa flimkien
Leħinna b’ferħ insemmgħu kant kullimkien
Ta’ San Gejtanu aħna wlied
Nifirħu bl-għanjiet
Dil-Kummissjoni tkun kull ħin
Ta’ ġieħ għat-Tamlin.
Sultana Ta’ Raħalna
Anselm Sciberras
Kemm titli ingħatawlek ja Omm ħelwa.
Kemm titli ndommu m’ismek ħa nagħrfuk.
Kemm ngħaqdu postijiet u ħwejjeġ m’ismek
bit-tama li b’xi mod naslu nfaħħruk.
Tal-Ġilju u tal-Ħerba u ta’ Fat’ma,
tal-Karmnu u ta’ Pinu u tad-Dmugħ,
ta’ Lourdes, tar-Rużarju u tal-Ħniena:
ta’ kull ma ġewwa ħsiebna jhenni r-ruħ.
Għalik taħt dawn it-titli O Madonna
in-nies iddedikawlek tempji kbar,
santwarji fil-ġmiel għanja, u kappelli
ta’ ħlewwa liema bħalha għalkemm żgħar.
X’ħin nimraħ fi gżiritna nara l-qima
li dejjem kellna lejk aħna l-Maltin
għax b’ismek ferm sabiħ imżejjen b’titli,
l-irħula u l-ibliet tagħna mimlijin.
L-istess jista’ jingħad dwar dan pajjiżi
li ħabbek tul is-snin u mtela bik.
Ir-rabta tiegħu miegħek hi antika.
Minn dejjem l-akbar ġieħ ried li jagħtik.
Għax fl-eqdem binja l’ għandna ġo raħalna
hemm knisja ħelwa ferm biex tagħtik ġieħ.
Iżurek dan il-poplu biex ifaħħrek,
jitolbok Omm tas-SAMRA, wens tagħtih.
Ftit l’ hinn hemm parti ġdida: nbniet dan l-aħħar.
Li fiha narawk tħobbna hemm bil-kwiet,
twasslilna l-akbar faraġ fid-DULURI
b’messaġġ ta’ hena vera fis-smewwiet.
U meta l-qalb tonqosha l-ħila w tgħejja
u jkollha bżonn l-għajnuna u l-fejqan,
ninġabru ħa nżuruk ġo Villambrosa;
nitolbu għas-SOKKORS u għas-serħan.
Il-ħeġġa lejn Kliem Alla li sar Bniedem
infittxu ġol-kappella tal-Mużew.
MIDALJA ta’ MIRAKLI tpoġġi f’qalbna…..
għax kif niltaqgħu m’Ibnek nithennew.
Mill-ġenn ta’ Strada Rjali qed jaslilna
l-invit għal waqt ta’ skiet f’riġlejn Ġesù,
fejn inti qed twassalna f’PORTU SALVU
x’ħin ngħarfu li l-ġid kollu huwa Hu.
Met’ aktar kiber raħli, nbnielek tempju
biex m’Ibnek niesi jaslu għal-laqgħat
u l-poplu jħoss kif jersaq lejn xbihatek
f’kull waqt mill-KUNĊIZZJONI indukrat.
‘Mma l-kobor tal-imħabba lejk f’pajjiżi,
tassew nar’ha f’dar Gejtu il-Patrun,
x’ħin nilmħu għarkopptejh hemmhekk quddiemek,
jitolbok sabiex tħares il-Ħamrun.
Pajjiżi hu l-art tiegħek O Marija.
Għax aħna wlied Gejtanu, inħobbuk….
u bħalu tul ħajjitna rridu nkunu
milwija bl-akbar qima, infaħħruk.
Kantata b’tislima lil San Ġorġ Preca, Protettur tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, esegwita l-ewwel darba nhar it-3 ta’ Mejju 2008, f’għeluq is-sena mill-Kanonizzazzjoni ta’ dan is-saċerdot li għamel mill-Ħamrun pajjiżu.
Tifħir Lil Kristu Sultan li tana Lil Dun Ġorġ
Kliem: Anselm Sciberras
Mużika: Ray Sciberras F.L.C.M.
1. Ej’ ninġabru f’din is-siegħa
Kbar u żgħażagħ u ċkejknin
Ħalli nfaħħru s-Sinjur tagħna
Tar-rigal li ta l-Maltin.
Għax fuq din il-gżira ċkejkna
Żera’ warda tassew tfuħ
Saċerdot li bi qdusitu
Jgħinna biex l’ Alla ngħarrfuh.
Faħħar ‘l Alla meta kiteb
Faħħar ‘l Alla waqt it-talb
Faħħar ‘l Alla waqt ħidmietu
Riedu jkun Sultan f’kull qalb.
Bla dewmien ġabar madwaru
Ġewwa l-għalqa fil-Ħamrun
U hemmhekk il-Mużew beda
Biex teżor ta’ Malta jkun.
Ej’ ninġabru f’din is-siegħa
Ejja nfaħħru lill-Mulej
Ħajr inroddu għal imħabbtu
Ħajr inroddu lill-Feddej
Tana grazzja f’Dun Ġorġ Preca
Illi tiegħu kien maħbub
Lilu għamel strument tiegħu
Biex bih jidħol f’tagħna l-qlub.
2. Kollna ferħ ngħannulek ja Mulejna
Bil-kant tagħna ntuk l-akbar tifħir
Kif għallimna Dun Ġorġ li bgħattilna
Int ġo qalbna dejjem Sultan Kbir
Insellmulek O Sinjur
Lejk b’imħabba qalbna kuljum tfur...
Wara li rxoxta, kif Hu stess kien qal,
baqa’ jittratta mal-maħbubin tiegħu għal erbgħin jum,
biex iżjed isaħħaħhom fil-fidi,
u mbagħad fil-preżenza tal-ħdax-il Appostlu tiegħu
tela’ s-sema.
Kull tifħir nagħtuk dejjem Mulejna
Fik jinġabar dak li hu qaddis
Ngħarfu fik kull qawwa u tjubija
Bit-tagħlim li ta Dun Ġorġ qassis
Fil-Kalvarju fit-tkasbir
Naqraw fik tassew il-Ktieb il-Kbir...
Alla, għall-ubbidjenza tiegħu, eżaltah fuq kull glorja
u qiegħdu fil-leminija tiegħu,
fejn qiegħed għal dejjem isaltan miegħu
u ma’ l-Ispirtu s-Santu...
Lilu unur u glorja għas-sekli kollha tas-sekli.
3. Il-Kelma tal-bidu li kienet għand Alla
Li biha sar kollox u kollox Hi bdiet
Ġiet tgħammar hawn fostna ħa ddawwal triqatna
Twasslilna kull grazzja li s-Sema ħejjiet.
Il-Kelma tal-bidu li fiha kull ħajja
Li fiha jsib milja kull ħsieb kull ħolqien
Ġiet fostna f’suritna, fejn kibret fis-sikta
Sal-jum li fih tkellmet biex biddlet iż-żmien.
Il-Kelma li nstemgħet fis ħarrket kull sies
Kif għaġġbet lill-ħlejjaq, kif għaġġbet lin-nies
Ixxejnet id-dalma, is-sewwa tqawwiet
Fid-dinja deher Kristu, ir-Re tar-Rejiet.
Saltnatu hi rebħa mimlija b’imħabba
Mimlija sbuħija mimlija bil-ferħ
Saltnatu hi ġenna mimlija qdusija
Mimlija tjubija mimlija bis-serħ.
Kien Hu mill-Kalvarju li tana dis-saltna
X’ħin għażel li jbati biex jiftaħ il-bieb
Biex b’hekk isalvana mid-dnub u t-tbatija
W jimliena bil-grazzja fil-qalb u fil-ħsieb.
Sultan fuq il-ħajja Sultan fuq l-imwiet
Sultan illi jsebbaħ lill-art u s-smewwiet
Sultan li kull setgħa tinsab ġewwa fih
Sultan li minn dejjem għal dejjem rebbieħ.
4. U int Betlem, art ta’ Ġuda,
m’intix le, l-iżgħar fost il-bliet ta’ Ġuda
għax minnek joħroġ ĦAKEM
li jirgħa l-poplu tiegħi, Israel.
X’sofra Kristu Ġesù?
Kristu sofra fit-twelid tiegħu il-bard u l-kesħa.
X’tara inti hawn?
Tpattija għas-sħanat tal-passjonijiet f’dak li
jogħġob u f’dak li ma jogħġobx fil-bnedmin.
Imħabbar mill-profeti, mistenni minn ġens sħiħ,
It-tama ta’ kull fidwa, miġbura kollha fih.
Imħabbar bi kliem l-anġli, tas-saltna dejjem xhud,
Imfittex mit- tliet Maġi, li riedu r-Re tal-Lhud.
X’sofra Kristu Ġesù?
Kristu sofra l-abbandun tal-maħbubin
appostli tiegħu, x’ħin rawh arrestat fl-ort
tal-Ġetsemani ħarbu minnu.
X’tara inti hawn?
Tpattija għan-nuqqas ta’ fedeltà waqt il-provi.
‘Ma meta Huwa wriena, saltnatu kollha sliem,
Tħassibna bla għarafna, x’kien tiegħu dak il-kliem.
Warrabna Ismu minna, b’għemilna ttradejnih,
Tajnieh f’idejn l-għedewwa, għall-qatla ħallejnieh.
X’sofra Kristu Ġesù?
Kristu sofra d-daqqiet bil-qasba fuq rasu
nkurunata bix-xewk.
X’tara inti hawn?
Tpattija għall-ħsibijiet dwar l-għaxqa ta’
ħwejjeġ impuri.
Flok xettru dehbi f’idu, tajnieh qasba ta’ mrar.
Flok għażel għal fuq ġismu, bid-demm aħmar mantar.
Flok ġieħ sebħ u foħrija, għoxejna fit-tmaqdir
Fuq rasu xeddejnilu, kuruna ta’ xewk kbir.
U bl-għamad jiml’ għajnejna
B’suppervj’ aħna staqsejna...
Int Sultan?
Weġibtna b’imħabba
x’ħin tajtna l-aħħar qatra ta’ Demmek għażiż...
O Qaddis!
O Mulej! O Feddej!
O Mexxej tal-ġnus!
O Kristu Sultan!
5. Ħallina llum nersqu lejk ħalli nfaħħruk
Ħallina llum maħfra nitolbuk
Ħallina llum nersqu lejk nirringrazzjawk
Ħallina llum nersqu nadurawk.
Mal-Qaddisin
li fis-sema jsebbħu lil Ismek qegħdin
M’erwieħ tajbin
li fis-sema jgħannu Glorja qegħdin
Ma’ Dun Ġorġ Preca
Rigal kbir tiegħek lill-Maltin.
Mixħuta għarkobbtejna, mimlija b’umiltà
Tifħir b’ħilitna nagħtu, lill-Akbar Maestà.
Ilqagħha t-tifħira minn fomm il-bnedmin
Ħallina nkantawlek mal-kori kull ħin.
Qtajjiet qtajjiet ta’ Anġli
ifaħħru lil Ġesù
b’kull qima jsebbħu ‘l Ismu
għax Kristu Sultan Hu
Tislima mill-Arkanġli
Tifħir ma jaqta’ xej’
Għax Kristu Re tal-bieraħ
tal-lum u ta’ li ġej.
Għanjiet il-Prinċipati
Ifaħħru ‘l Maestà
Li biha mżejjen Kristu
Ir-Re tal-Verità.
Jitfaħħar isem Kristu
Sultan u Sid kull stat
Jitfaħħar b’qawwa kbira
Mill-ilħna tas-Setgħat.
Inċens jaħraq ta’ qima
Li jfewwaħ is-Smewwiet
Quddiem it-Tron ta’ Kristu
Maħruq mill-Virtujiet
It-trombi mdehba jdoqqu,
Dominazzjonijiet,
Tislim lil Kristu dejjem,
Fuq l-art u fis-smewwiet.
Kull ħin jitqaddes l-Isem
Ta’ Kristu Re rebbieħ
Mit-troni kollhom qima
Mitlufa jagħtuh ġieħ.
Il-Kerubini jfaħħru
Għal dejjem lill-Mulej
Ġesù Sultan ta’ Qodos
Bin Alla u Feddej.
Is-Serafini jgħannu
U jlissnu tifħir kbir
Mill-kant sabiħ f’għanjiethom
Lejn Kristu qima ttir.
Id-disa’ kori t’Anġli
Lil Kristu Re jfaħħruh
Lill-Iben Waħdien t’Alla
Kull ġieħ f’kull ħin jagħtuh.
6. Ħallina ningħaqdu f’din it-tislima
li l-Anġli tiegħek jagħtuk kull ħin
Ħallina ningħaqdu biex nagħtuk qima
Din l-għanja noffru aħna qegħdin.
Kull ħajr lilek Mulej nagħtu
Għal dil-kewkba fuq din l-art
Għax ġo fostna xħett żerriegħa
Illi mliet ġonna bil-ward.
Ħajr Mulej u tifħir lilek
Inkantawlek magħqudin
Int b’Dun Ġorġ xħettilna barka
Kuljum tbierek lill-Maltin.
Int Rebbieħ! Int Bin il-Għoli!
Saltnatek ma’ tmut qatt!
Kristu Sultan Kien
Kristu Sultan Hu
Kristu Sultan Jibqa’
Kristu Re Għal Dejjem.
Kliem: Anselm Sciberras
Mużika: Ray Sciberras F.L.C.M


