Min Kien San Gejtanu?
ara d-dokumentarju (ikklikkja hawn) jew aqrah hawn taħt
Qaddis Kbir li għex bejn tmiem is-seklu ħmistax u l-ewwel nofs tas-seklu sittax.
Studjuż li sa minn kmieni offra l-għerf u l-ħiliet tiegħu għas-servizz tal-Knisja.
Nobbli li flok palazzi ta’ għana u setgħa għażel l-imkejjen ta’ l-ifqar fost il-fqar.
Nisrani li żamm kontinwament bi gwida f’ħajtu l-kelma Mqaddsa misjuba fl-Evanġelji.
Iben li ħabb bla heda lil ommu fuq l-art u lil Marija, Omm tiegħu fis-Sema.
Saċerdot li sab saħħa u hena fit-talb u f’telqa sħiħa għand Ġesù fl-Ostja.
Riformatur li biddel, qanqal u mexxa fis-sikta u b’qalb mgħerrqa fl-imħabba.
Qaddis li jgħallem l-isbaħ u l-ogħla virtujiet.
Dan hu l-Patrun għażiż tagħna.
Dan hu l-Patrun maħbub tagħna.
Dan hu l-għaxqa tal-Ħamrun.
SAN GEJTANU THIENE
Inħallu l-ħsieb tagħna jmur lura fiż-żmien. Immorru lejn l-Italja ta’ ħames mitt sena ilu. Art mill-isbaħ b’muntanji u b’widien, bi msaġar u b’bajjiet… bi rħula donnhom presepji, bi bliet li l-imsieraħ, it-toroq u l-isqaqien tagħhom kienu benniena ta’ arti li hi wirt ta’ l-umanità sħiħa…l-Italja...
Inħarsu mill-ajru lejn l-Italja. (Pic 1) Naraw iperpru fuqha għadd ta’ bnadar u standardi, ilkoll kburija, ilkoll mifruda waħda mill-oħra f’saltniet u repubbliki differenti. Nilmħu r-renju ta’ Napli fin-nofsinhar, ir-Repubblika ta’ Firenze fin-nofs, ir-Repubblika ta’ Siena ftit lil hinn, aktar ‘il fuq id-Dukat ta’ Ferrara. Fit-tramuntana, ir-Repubblika ta’ Ġenova, id-Dukat ta’ Savojja u d-Dukat ta’ Milan, u r-Repubblika Venezjana. Fil-parti ċentrali tal-peninsula Taljana, nsibu l-Istati Pontifiċji. Fin-nofs ta’ dan kollu naraw lil... Ruma
Ruma… il-belt li darba kienet il-qalb ta’ l-akbar imperu, li kienet taħkem fiż-żmien lid-dinja magħrufa - mill-Brittanja sa l-Iberja, mill-Afrika sa l-Armenja! Ruma li tat lid-dinja invenzjonijiet, toroq, sistemi finanzjarji, letteratura u arti. Ruma li biż-żmien tilfet saħħitha, inxtorbot u ngħalqet wara s-swar tal-belt, li raqdet għal sekli sħaħ fi żmien mudlam.
Hi l-istess Ruma li kienet mill-ewlenin li semgħet il-bxara t-tajba u li tgħannqet mill-ewwel snin ma’ l-emmna. Tgħannieqa li saqqietha b’demm Pietru u Pawlu, b’demm Lawrenz u Sebastjan, b’demm Tarċisju u b’demm mijiet oħra li kienu xhieda.
Kien is-salib ta’ Kristu li kien jgħaqqad lill-Italja, għaliex kien milqugħ f’kull fruntiera u f’kull saltna. Minkejja dak kollu li jifred – stati, poter, armati, negozju, artijiet, politika – il-popli, fil-fond tal-fond tal-qalb u tal-ħsieb, kienu magħquda u magħġuna miegħu. Xhieda ta’ dan huma kull Duomo, kull bażilika, kull skultura, kull pittura, kull proża, kull poeżija u kull għanja, miżrugħa fl-emmna u fit-tradizzjoni Kristjana.
Nitilgħu lejn it-tramuntana u nsibu ruħna fir-Repubblika b’saħħitha Venezjana li kienet qawwa navali fil-Mediterran. Inġibu quddiem għajnejna dak l-ambjent imsaħħar! Il-palazzi, il-Kanal Grande, l-ilbies rikk tan-nobbli, id-Duomo maestuż, Pjazza San Mark, u d-Doġe! Repubblika b’saħħitha mibnija fis-sod fuq ekonomija marittima. Belt li kellha artijiet kbar taħtha. U qrib Venezja, nsibu belt oħra tassew ħelwa, li kienet ilha tagħmel parti mir-Repubblika Venezjana sa mill-1404. Il-belt ta’ Viċenza.
Nirfsu fis-sena 1480. Nittawlu f’Viċenza. Ix-xahar aktarx kien Ottubru. Fil-palazz tal-Konti Gaspare ta’ Thiene u martu l-Kontessa Maria de Porto, it-tnejn imnissla minn żewġ familji mill-aktar nobbli, antiki u għonja tal-belt, instemgħet il-bikja ta’ tarbija ġdida – it-tielet wild ta’ din il-familja magħrufa sew fis-soċjeta’ Viċentina.
Kien tifel li ġie mgħammed fil-Katidral tal-Belt. Issemma’ għal zijuh, it-teologu kanonku u professur fl-universita’ ta’ Padova. Id-dinja laqgħet fi ħdanha warda oħra mibgħuta mis-sema – Gejtanu.
Ħarsa lejn il-familja Thiene:
Il-missier - Gaspare, Konti, gwerrier fil-grad ta’ kaptan, lawrjat mill-Universita’ ta’ Padova. Kaptan f’armata, mhux tar-Repubblika Venezjana iżda fl-armata tal-Papa – l-armata ta’ l-Istati Pontifiċji, li kif rajna kienu jkopru l-Italja ċentrali. Dawn l-istati kemm-il darba kienu jidħlu fi ġlied ma’ stati viċini minħabba artijiet u poter u biża’ li l-Knisja titlef saħħitha. Kien f’waħda minn dawn il-battalji li seħħet fl-1482, sentejn wara t-twelid tat-tifel Gejtanu, li l-Konti Gaspare Thiene, safa ferut. Miet bil-ġrieħi mġarrba.
L-Omm – Marija de Porto, Kontessa Thiene, mara tal-familja, Terzjarja Dumnikana, devota ferventi. Moħħha biex tagħti l-aħjar trobbija lil uliedha. Armla bl tlitt itfal, bit-tfajjel Gejtanu ta’ sentejn. Għalih kellha tkun l-omm u l-missier, l-għalliema ta’ l-ewwel passi lejn l-għerf u fuq kollox lejn ħajja marbuta ma’ Kristu u Marija Santissima li lilha kienet ippreżentatu u lilha kienet iddedikatu. (Pic 2)
L-Aħwa – Ġann Battista u Alessandru.
Il-kbir, Ġann Battista, studja fl-Università ta’ Padova, iżżewweġ u kellu tifla, Eliżabetta. Miet żagħżugħ bla aktar tfal. Alessandru, il-fustani. Miet ta’ età żgħira, aktarx lanqas laħaq l-għoxrin sena. Kienu dawn il-fatti li wasslu biex Gejtanu jiret it-titlu ta’ Konti ta’ Thiene u jsir il-kap ta’ din il-familja antika u nobbli..
Immaġinaw, Omm bi tliet subien. Trid taħseb biex iżżomm għaqda familjari. Trid taħseb għal dak kollu meħtieġ fil-ħajja materjali u spiritwali. Mhux l-anqas, iżżomm għoli isem il-familja, mhux b’suppervja u bi kburija, imma b’imħabba, b’rispett, b’talb, b’edukazzjoni u b’fidi sħiħa. ħajjitha, kliemha u għemilha kienu katekiżmu kontinwu.
Ftit li xejn hu magħruf dwar it-tfulija ta’ Gejtanu. Dak li nafu kien mgħoddi minn fomm għal fomm matul iż-żmien. L-ewwel edukazzjoni ħadha permezz ta’ tagħlim b’mod privat li rċieva fil-palazz tal-familja, hekk kif kienet id-drawwa tal-familji sinjuri dak iż-żmien. Trabba jagħraf l-imħabba ta’ ġesù. Kien ikun b’idejh f’idejn ommu fiż-żjarat spissi li kienet taghmel fil-knisja ta’ Santa Corona fejn il-familja Thiene kienet tingabar biex tqim u titlob.
B’din it-trobbija mmexxija mill-kliem ta’ l-Evangelu nibtet fih l-imħabba lejn il-proxxmu, l-aktar lejn il-morda u l-foqra. Sa minn tfulitu kien jidħol fil-kċina tal-palazz, ikaxkar kull ma jsib u jqassmu bi ħlewwa lit-tallaba. L-istess kien jagħmel bi drappijiet u ħwejjeġ. Minn ċkunitu kien igħix l-Evanġelju – “Libbes lil min għarwien. Itma’ lil min bil-ġuħ.” U l-iskantament tal-bqija kien joktor… l-għoli jinżel mal-baxx, is-sinjur mal-fqir... (Pic 3)
Gejtanu tfarfar ġmielu. Mit-tfulija għadda għaż-żgħożija. L-enerġija, l-entużjażmu u r-rieda soda li wera tul ħajtu kollha bilfors iġġiegħlna naħsbu f’żagħżugħ mimli ħajja li kien joħlom futur u jfassal pjanijiet għal toroq li kellu miftuħa quddiemu.
|gur li kien bħal kull żagħżugħ ieħor, imma hu aktar żgur, li ż-żerriegħa nisranija li nżergħet f’qalbu sa min-nieqa qatt ma ħallietu anzi f’dak iż-żmien taż-żgħożija kienet għaddejja minn proċess ta’ fermentazzjoni fil-fond tal-qalb u r-ruħ. Mill-iskola fil-palazz Thiene għadda għall-iskola muniċipali u minn hemm irħielha lejn Padova.
Fil-belt ta’ Padova nsibu Università li flimkien ma’ dawk ta’ Bologna, Oxford, Pariġi u oħrajn, tista’ titqies bħala benniena taċ-ċivilta’ tal-punent. Kien f’din l-università li z-ziju li għalih Gejtanu ġie msemmi kien Professur. Kien f’din l-universita’ li missier Gejtanu kien gradwa u kien f’din l-Universita’ li Gejtanu ħa kors ta’ studju li wasslu jiggradwa fil-liġi ċivili u l-liġi kanonika. bħala avukat.
Bl-istudji mitmuma Gejtanu mar Rampazzo. Rampazzo kien raħal żgħir, erbat idjar tal-bdiewa, mitluf qalb ir-raba’. Kien fewdu tal-familja Thiene, u fuq dawk l-artijiet kien wieqaf il-kastell ta’ Thiene, li minnu llum baqa’ biss wieħed mit-torrijiet tiegħu. Hemmhekk kien żmien mill-aktar importanti għaż-żagħżugħ Gejtanu, frisk frisk mill-istudji tiegħu. Kien iż-żmien li fih hu għarrex ġewwa ruħu. Kien iż-żmien li fih fittex kemm felaħ ġewwa qalbu. Kien iż-żmien li fih staqsa, “X’irid minni il-Mulej?” (Pic 4)
Gejtanu għadda jiem sħaħ jaħseb u jimmedita fil-kwiet tal-kampanja. L-arja friska li titliegħeb fuq l-uċuħ tar-raba’, l-għana tal-għasafar li jpassu fis-smewwiet, il-fwieħa tal-ward, is-seħer tal-ħolqien, kien l-aħjar ambjent biex fih iħalli lil Alla jħażżeż ġewwa qalbu l-mogħdija li fiha riedu jterraq… għax min ikun fis-silenzju, il-leħen ta’ Alla fih, jisimgħu aktar ċar.
F’Rampazzo Gejtanu iddeċieda li jħalli lil Alla jgħaġen ħajtu. Ħass x’jiġbdu li jingħata għas-servizz tal-Knisja. Qal b’dan lil ommu, l-Kontessa Marija da Porto. Ta’ omm li xtaqet il-ġid ta’ wildha, qawwietlu qalbu u qaltlu li hi kienet kuntenta, la hu kuntent fid-deċiżjoni li ħa. Gejtanu talab lill-Isqof jaċċettah bħala Kjeriku u Gejtanu libes is-suttana s-sewda u ngħatatlu it-tunsura.
Qalb Gejtanu kienet mal-fqir u l-batut għax fihom kien jara lil Ġesù li tant kien iħobb. Kien jara lill-bdiewa wara jum iebes ta’ xogħol, iterrqu mili sħaħ biex jaslu sal-Knisja. Moħħu ħaseb li ma riedhomx jaslu għajjinin għand ġesù, u ma riedx li sforz l-għejja tagħhom jaqtgħu qalbhom li jżuru lis-Sinjur. Għalhekk minn flusu bena knisja ġewwa Rampazzo u ħaseb għal finanzjament tagħha biex din tkun tista’ taqdi lill-poplu tal-madwar. Kienet is-sena 1505. Din il-knisja m’għadhiex wieqfa għaliex għaddiet mill-għarbiel taż-żmien. Flokha nbniet oħra aktar tard u sal-lum għadha il-Knisja Parrokkjali ta’ Rampazzo.
Minn Rampazzo, Gejtanu rħielha lejn Ruma, l-belt eterna. Sab il-belt li għannqet is-salib ta’ Kristu, mgħannqa ma kollox ħlief mas-salib. Kien żmien diffiċli. Kien żmien ta’ ħafna intriċċi fil-kuriduri tal-palazzi u żmien li fih il-knisja kien moħħha fil-poter poltiku u fis-sbuħija artistika, ferm aktar minn kemm kien moħħha fit-twassil tal-messaġġ Kristjan.
Ġewwa Ruma ltaqa’ ma’ qarib tiegħu, l-Isqof Pallavicini, u flimkien miegħu wara ftit jiem li kien ilu Ruma, attenda għal ċerimonja kbira li saret.
L-okkażjoni kienet it-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-bażilika ġdida ta’ San Pietru, li kellha tieħu post il-bażilika antika ta’ San Pietru li kienet ilha minn żmien l-Imperatur Kostantinu. It-tqegħid u t-tberik sar mill-Papa Ġulju II, li baqa’ magħruf fl-istorja bħala dak li uża u ħeġġeġ u ħaddem l-aqwa artisti fosthom lil Michelangelo u lil Raffaello. Intant Gejtanu kien preżenti dakinhar.
L-ilsien minn dejjem itaqtaq, u l-preżenza ta’ Gejtanu, kjeriku żagħżugħ ġej minn familja nobbli li kienet serviet lill-knisja… xejn xejn bil-ħajja tal-Konti Gasparre, missier Gejtanu, li miet fis-servizz ta’ l-armata ta’ l-Istati Pontifiċji, waslet f’widnejn il-Papa, li talab lil Gejtanu jżuru. Gejtanu hekk għamel. Resaq għal udjenza mal-Papa. (Pic 5) Kien dakinhar li Ġulju II daħħal lil Gejtanu fis-servizz tal-Vatikan u ried jinqeda bl-edukazzjoni ta’ dan iż-żagħżugħ. B’hekk insibu lil Gejtanu Thiene jinħatar Prelat Domestiku tal-Papa bħala Protonotarju Appostoliku, kariga ferm importanti li kienet tagħtih aċċess għall-Kurja Vatikana, preċedenza fuq l-isqfijiet u għadd ta’ drittijiet. (Pic 6)
Mhux darba kien li Gejtanu spiċċa f’ilsien dawk imkabbra u għajjurin, li ħassewhom imċekkna jitmexxew u jarawhom preċeduti minn żagħżugħ li ma kienux jafu. L-unuri u t-tislim rieduh għalihom għax għalihom dawn kienu l-ħwejjeġ importanti u bihom setgħu jimxu ‘l quddiem u jagħmlu karriera. Flok biex jagħmel karriera u jikber fil-ġid u s-setgħa, Gejtanu kien iwettaq ħidmietu bir-reqqa kollha, u kien juża d-dħul finanzjarju li xogħlu kien jagħtih, biex jagħmel kemm jiflaħ ġid bil-karità li kien iwettaq.
U sadanittant kien jinnota kollox… jinnota t-traskuraġni tad-dmirijiet mis-saċerdoti, l-injoranza reliġjuża, il-faqar bla qies tal-poplu u l-ġid kbir tal-ftit, it-tellieqa għal kapolavuri artistiċi u t-telqa tal-messaġġ veru evanġeliku.
Kien ingħaqad ma’ grupp żgħir f’Ruma li kienu jishru u jitolbu u jippruvaw jgħixu tabilħaqq l-Evanġelju, magħruf bħala l-Oratorju ta’ l-Imħabba Divina. Is-sħubija tiegħu f’dan l-Oratorju ta ħajja ġdida lill-istess grupp, tant li jista’ jitqies bħala fundatur tiegħu. Kienet is-sena 1515 meta Gejtanu, wara l-mewt tal-Papa Ġulju II u l-elezzjoni tal-Papa Ljun X telaq ix-xogħol u l-ħatra tiegħu fil-Kurja Rumana u beda tassew il-missjoni tiegħu.
Is-snin ta’ qabel kienu snin ta’ formazzjoni sħiħa u minn fommu ħarġet il-mistoqsija, “Hija din il-Knisja li ried Kristu?” Gejtanu għaraf il-ħtieġa kbira ta’ tiġdid. Mogħti kif kien għat-talb u l-meditazzjoni, għaraf li kull riforma fil-Knisja trid tibda bir-riforma ta’ l-individwu, u għalhekk beda minnu stess. Fehem li l-qofol ta’ dak kollu meħtieġ kienet l-imħabba t’Alla. “Fittxu l-Ewwel is-Saltna ta’ Alla” Fehem li qalb taqbad bl-imħabba ta’ Alla kienet tmiss u tixgħel qlub oħra. B’dan il-ħsieb bena l-pjan tiegħu għar-riforma tal-Knisja.
Jekk f’żgħożitu Gejtanu ma ħassux den għas-saċerdozju u waqaf bħala kjeriku, issa li kien fehem sew il-pjan ta’ Alla għalih, intebaħ li triqtu kienet is-saċerdozju. Għalhekk naraw li fl-età ta’ sitta u tletin sena, Gejtanu ordna saċerdot nhar it-30 ta’ Settembru 1516. Għalih is-saċerdozzju kien ifisser bniedem mogħti għal Alla u għal ħutu. Is-saċerdoti huma dawk fi ħsieb Gejtanu li jridu jagħmlu lil Alla ħaj fi qlub dawk li jemmnu. Huma dawk li jridu jibnu dinja ġdida kif tixtieqha l-Qalb ta’ Kristu. Dan kien is-saċerdot Gejtanu!
Gejtanu, issa saċerdot, inxteħet aktar minn qatt qabel għas-servizz tal-Mulej. Kien żmien tassew iebes għall-Knisja. Minbarra d-dgħjufija tagħha fit-twettieq tal-missjoni ewlenija, minbarra l-għamad quddiem ħafna għajnejn li kienu jaraw kollox barra r-rieda vera ta’ Kristu, żdiedet problema oħra kbira.
Seħħet ix-xiżma Luterana. Seta’ kellha għeruq fl-iżbalji li kienu qed jitwettqu mill-Knisja, imma l-mod magħżul mir-riformisti Luterani kien żbaljat għax biex issewwi ma tridx tkisser. U hawn joħorġu l-figuri kbar tal-Knisja li mexxew lil dik imsejħa bħala l-kontroriforma… kontroriforma mhux biex kollox jibqa’ kif kien, imma biex jinstabu l-għeruq appostoliċi tal-knisja u l-ħidmiet ikunu ibbażati fuq it-tagħlim evanġeliku. Gejtanu ta’ Thiene hu figura mill-akbar u mill-aktar importanti ta’ din il-KontroRiforma.
Gejtanu, fid-diffikultajiet li kien jiltaqa’ magħhom bħal kull bniedem ieħor, kien ifittex il-parir tajjeb. Ma tistax twettaq ħidma hekk kbira bla ma tiftaħ qalbek, bla ma tisma’. Gejtanu kien jitkellem, jiddiskuti u jitlob il-parir tad-Dumnikan Fra Gian Battista Carioni da Crema, (Pic 7) li kien għalih għajn li ttaffilu l-għatx u l-għejja, permezz ta’ kliemu dixxiplinat u ispirat. Imma l-aqwa ħabib li Gejtanu kellu u li kien il-ħin kollu miegħu kien ġesù Kristu li kien ċentru assolut ta’ ħajtu u ħidmietu.
Kien jaħdem ħafna imma kien jitlob u jimmedita ħafna aktar. Il-ħajja ta’ Kristu kien qed jidħol fiha u kien qed jgħixha pass pass. Kien igħaddi sigħat sħaħ fil-ġabra u sikta jimmedita quddiem Ġesù fl-Ewkaristija. (Pic 8) Ta’ min jgħid li l-adorazzjoni ta’ l-Ora Santa u dik l-adorazzjoni twila msejħa Kwaranturi (li ġejja mill-kliem Taljan Quaranta Ore), jafu l-bidu tagħhom minn Gejtanu ta’ Thiene… Gejtanu ta’ Thiene li quddiem is-Sagrament Imqaddes kien isib l-għaxqa tiegħu.
Waqt mill-ħajja ta’ Kristu mill-aktar meqjum minn Gejtanu, huwa t-twelid tiegħu.. il-misteru ta’ l-inkarnazzjoni, il-Kelma ta’ Alla li ħadet is-sura umana permezz tal-Verġni Marija biex twasslilna -salvazzjoni. Dan kull ma kien il-Milied għal Gejtanu, u dan kien kollox. Ma kienx hemm festini u dwal u xorb. Kien hemm biss adorazzjoni profonda lil din it-tarbija, is-saħħa ta’ l-umanità.
U kien waqt telfa ta’ mħabba fil-kappella tal-maxtura mqaddsa fil-bażilika ta’ Santa Marija Maggiore ġewwa Ruma, meta Gejtanu fil-lejl tal-Milied ta’ l-1517, għadda minn esperjenza li ntrabtet għal dejjem ma’ ġrajjietu u ddominat l-ikonografija tiegħu.
Dawl għammiex mela madwaru u sab ruħu fl-għar imqaddes ta’ Betlem, quddiem Marija Verġni u għarustha San Ġużepp. (Pic 9) L-omm ġdida tbissmitlu u bi ħlewwa liema bħala tagħtu jżomm f’idejh lil Binha, ġesù Salvatur tad-dinja. Is-sħana ta’ ġisem it-tarbija daħlet fih, imlietu u xegħlitlu qalbu. Din ma kinitx l-uniku esperjenza mistika ta’ Gejtanu għaliex meta kien jinqata’ mid-dinja waqt it-telfien sħiħ tiegħu fit-talb, kien jidħol b’qalbu, bi ħsiebu, bl-ispirtu u bil-ġisem fil-waqt meditat. Din id-dehra seħħet drabi oħra.
Dan joħroġ ċar minn kitbet Gejtanu stess, kitba li għadha tista’ tinqara fl-ittra li huwa bagħat lil Suor Laura Mignani u li llum tinsab fil-Knisja ta’ San Bartilmew ta’ Porta Ravegnana f’Bologna. Fl-ittra hu jgħid:
“Għall-kelma li qalli x-Xwejjaħ, jiena ħadt lit-Tfajjel ħelu minn idejn il-Verġni mistħija mistħija – dak it-Tfajjel li hu l-Kelma ta’ Dejjem magħmul Bniedem. Iebsa tassew kienet qalbi, emminni, għaliex, ladarba f’dak il-waqt ma nħallitx, riedet tkun iebsa daqs djamant: xi trid tagħmel? ġrali hekk ukoll waqt iċ-ċirkonċiżjoni, u b’danakollu, is-sensi tiegħi jibqgħu mhux ċirkonċiżi! Ukoll meta ġew is-Slaten Maġi ġrali dan: tassew li fija m’hemmx ħlief ebbusija tal-ħadid, intiena u fsied. M’għaddewx aktar minn ħamest ijiem li m’erġajtx sibt ruħi hemmhekk fit-tempju, fejn smajt dik l-għanja ħelwa tax-xwejjaħ Xmun u l-kliem iebes u morr li ħabbar….”
Fl-1518, Gejtanu telaq minn Ruma lejn Viċenza. Kienet waslitlu l-bxara li ommu, l-Kontessa Marija da Porto kienet marida, u għalhekk irħielha malajr lejn daru. Hemm tgħannaq magħha wara bosta snin u biex jagħmilha kuntenta ħa ħsieb il-ġid tal-familja. Ma ħassux komdu jwettaq dan. Xtaq li ħinu jiddedikah mod ieħor. Imma ma kisirx xewqat ommu. ħallas djun li kien hemm, irranġa l-kotba, ġab kollox għall-ordni.
Waqt li kien Viċenza, kellu talba minn xi ħaddiema biex jattendi magħhom fl-Oratorju ta’ San ġilormu. Hemm hu daħal magħhom fit-talb u fit-twettieq ta’ bosta karita’ mal-morda u mal-ħabsin. Bdew iħarsu lejh bħala mexxej tagħhom għaliex barra l-ħidma u l-kura li kien iwettaq magħhom u mal-bżonnjużi, kien jgħallimhom u jfissrilhom siltiet mill-Bibbja. Urihom li l-karita’ tikseb il-milja sħiħa meta tkun imlibbsa l-libsa ta’ l-imħabba ta’ Kristu.
Ommu mietet fl-1520. B’hekk is-saċerdot umli Gejtanu, li kien Konti ta’ Thiene, spiċċa wkoll Kap waħdieni tal-familja Thiene bir-responsabbilta’ kollha fuqu. U hu, bir-responsabbiltà kollha, resaq quddiem nutar u qassam ġidu kollu. Għadda l-beni familjari f’idejn kuġinietu. Kitbilhom. Talabhom biex ma jkollhomx inkwiet bejniethom dwar ħwejjeġ materjali u fakkarhom li l-aqwa ġid huwa Ġesù. ħaseb fin-neputija Eliżabetta. żamm għalih ftit biċċiet art… min jaf forsi b’xewqa ta’ rabta ma’ l-art li tagħtu l-ħajja? Kien x’kien, dak li żamm għalih ma damx għandu, għaliex fi ftit żmien irħihom ukoll. Ftaqar għax ried! Ftaqar biex igħin lil min kien fqir. (Pic 10)
Dak kien l-aħħar xogħol ta’ Gejtanu ġewwa Viċenza. Minn hemm telaq, biex f’ħajtu ma’ reġa’ lura qatt f’beltu. Sab ruħu f’Venezja fejn kompla jgħix il-ħajja qaddisa tiegħu ta’ talb, meditazzjoni, jgħallem u jaħdem għal dawk magħkusa mill-faqar u l-mard. Kien iżur ix-xwieni sorġuti fl-ibħra Venezjani. Hemmhekk kien jagħti kuraġġ u faraġ lill-imsejkna lsira u bil-mod tiegħu kien iqawwilhom l-ispirtu u jnissel fihom tama, dik it-tama ġejja minn Alla li jħares il-ġilju tal-wied u t-tajra ta’ l-ajru u aktar lil kull bniedem maħluq xbieha tiegħu.
Ġabar madwaru u kellem lil dawk benestanti, negozjanti u nobbli, u talabhom jagħtuh l-għajnuna f’ħidmietu b’riżq il-morda u l-foqra mitluqa fit-toroq tal-Belt. (Pic 11)
Bl-għajnuna ta’ żewġ nisa nobbli, fl-1522, waqqaf sptar ġdid għall-inkurabbli. Mar jgħix f’dan l-isptar, sptar li għad li ġdid kellu bżonn xogħol kbir u l-ħin kollu. Gejtanu ma qatax qalbu u bħal f’kollox daħal bil-qalb u bit-tama tiegħu merħija kompletament f’Alla li jħares u jipprovdi. Kien hu il-fundatur u l-amministratur ta’ dan l-isptar, imma kien hu wkoll li kien jaħdem bħala infermier, bħala ħassiel u bħala fattiga. Kien imidd idejh f’dak kollu meħtieġ. L-għaqda li kellu ma’ Alla kienet tixprunah iwettaq dan kollu
Waqt dan ix-xogħol kollu Gejtanu ma nesiex, imqar għal mument wieħed biss, il-vokazzjoni ewlenija tiegħu, dik saċerdotali, u kien jaqdi din il-vokazzjoni bl-akbar żelu. Kitbietu, mħollija fl-ittri li hu kiteb jixhdu dan. Minn Venezja kiteb lil Elisabetta Porto, neputija tiegħu, bint ħuh Gian Battista. Ittra mimlija b’tagħlim li bilfors ħarġet minn id u qalb li kienet qed tgħix il-vokazzjoni saċerdotali fi sħiħ. Hu f’din l-ittra ma jieqafx jgħallem, imma jkompli billi jħeġġeġ għall-qrar u għat-tqarbin li jwassluna ma nintrebħux mill-inganni tax-xitan.
Minn Venezja kiteb ukoll lil Paolo Guistiniani. F’din l-ittra Gejtanu jgħid, “Jaħasra dil-belt sabiħa, kemm hi ta’ min jibkiha! Tassew, m’hemm ħadd fiha li jfittex lil Kristu Msallab. Tistagħġeb kif f’belt bħal din ma sibt lil ħadd fost dawk ta’ demm nobbli li jkasbar il-ġieħ għall-imħabba ta’ Kristu. Jista’ jkun għal dnubieti. Jaħasra, lanqas wieħed li hu wieħed! Kristu jistenna, imma ħadd ma jiċċaqlaq. Ma ngħidx li m’hemmx nies li għandhom moħħ, imma dawn qishom jistħu jagħmlu t-tajjeb, u ma jridux lil min jarahom iqerru u jitqarbnu. Missier, ma nsibx mistrieħ qabel ma nara l-Insara jmorru għand il-qassis għax imġewħin għal Kristu, u jagħmlu dan bil-ħeġġa mhux bil-mistħija.”
Gejtanu kien jissielet kontinwament għar-riforma ta’ l-Insara. Kien konvint li biex isseħħ riforma fil-poplu Kristjan, riedu jirriformaw ruħhom is-saċerdoti. Kien qed joqrob iż-żmien għal ħidma oħra tiegħu. Minn Venezja Gejtanu niżel Ruma. Meta wasal Ruma Gejtanu baqa’ sejjer fl-Oratorju ta’ l-Imħabba Divina, dak l-Oratorju li tant kien għal qalbu fiż-żmien li fih kien Ruma qabel. Ittama li jsib ħbieb antiki u hekk ġara. Ingħaqad mill-ġdid magħhom. Kliemu, ħidmietu u tagħlimu ġibdu saċerdoti oħra li kienu ta’ qalb tajba bħalu u bħalu kienu joħolmu f’riforma. Gejtanu kien għalihom, dawl, gwida u ispirazzjoni. Wrihom bi ħsiebu u b’xewqatu, li bħala saċerdoti jibdew jgħixu ħajja simili għall-ħajja ta’ l-appostli, b’fiduċja sħiħa fil-provvidenza ta’ Alla.
Il-mod kif dawn is-saċerdoti bdew igħixu qanqal il-ħars u l-kummenti. Gejtanu poġġa quddiem għajnejn il-belt familja ta’ saċerdoti reliġjużi b’tama li l-innoċenza, il-faqar, il-modestja u l-ħajja qaddisa jwasslu lill-poplu jaħrab il-vizzji u jitħabbeb mal-virtù. Kien hemm ħafna li ma fehemu xejn u li xtaqu jumiljawhom, imma Gejtanu u sħabu baqgħu sħaħ f’li kienu qed jagħmlu.
Jum minnhom ħabbat il-bieb. Kien mar biex jingħaqad ma’ Gejtanu fil-familja ġdida tiegħu, Pietru Carafa, Isqof ta’ Chieti. Gejtanu tħawwad. Qatt ma stenna Isqof. Sellimlu bl-akbar rispett iżda wrieh bid-diffikultà li kien qed iħoss. Pietru Carafa serraħlu rasu u qallu li kien se jħalli d-Djoċesi biex jingħaqad magħhom u bħalhom ifittex lil Kristu f’kull ħin u f’kull ħaġa u bħalhom jgħix biss b’dak li jipprovdi Alla. Dan Pietru Carafa, li ħadem bi sħiħ ma’ Gejtanu f’din l-opra tiegħu, snin wara nħatar kardinal, biex nhar it-23 ta’ Mejju 1555 ġie elett Mexxej tal-Knisja Universali bl-isem ta’ Papa Pawlu IV.
Gejtanu kien jaf b’kemm qlajjiet u paroli vojt kien qed jingħad dwarhom. Qatt ma ħassu merbuħ, u bl-għajnuna tas-saċerdoti l-oħra li raw fl-idea l-possibiltà ta’ riforma li ssaħħaħ lill-knisja, nhar l-24 ta’ Ġunju ta’ l-1524, kiseb mingħand il-Papa l-approvazzjoni u t-twaqqif ta’ l-ordni li ssemmiet Ordni tal-Kjeriċi Regolari, magħrufa popolarment bħala it-Teatini. Dawk l-erba’ rġiel riedu jkunu xhieda ta’ Kristu bil-fatti u mhux bil-kliem biss. Riedu jgħixu foqra bħal Kristu. Il-ħajja li riedu, tinġabar f’eżerċizzju ta’ virtujiet – it-talb u l-ministeru saċerdotali ta’ servizz għall-ħtiġijiet tal-knisja.
Nhar l-14 ta’ Settembru, festa ta’ l-eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, Gejtanu u sħabu għamlu l-professjoni reliġjuża tagħhom quddiem il-Papa ġewwa l-Bażilika ta’ San Pietru. (Pic 12)
F’Mejju ta’ l-1527, it-truppi ta’ l-imperatur Karlu V, invadew Ruma wara li rnexxielhom idawru u jerbħu lis-suldati li kienu qed jiddefenduha. Kien ilu għaddej kunflitt bejn l-Imperu Qaddis Ruman u l-Istati Pontifiċji u l-alleati fosthom Firenze u Franza. L-armati tal-Papa Klement VII ħarġu telliefa u għalhekk beda s-sakkeġġ ta’ Ruma.
It-Teatini sofrew bosta f’dan iż-żmien tant li Gejtanu u sħabu sofrew swat u tbatijiet kbar u ġew mixħuta anke l-ħabs. (Pic 13) Gejtanu kien magħdur wisq b’dak li ġarrab u saħħtu xejn ma kienet tajba. Donnu kien destinat imut fil-ħabs, imma l-Id ta’ Alla indaħlet u ressqet lejn il-ħabs fejn kienu miżmuma, kaptan li għaraf lill-Isqof Pietru Caraffa li snin qabel kien konfessur ta’ l-Imperatur Karlu V. Fuq ordni tiegħu it-Teatini ġew meħlusin. Tħarrbu minn Ruma minn barklor li minn fuq ix-xmara Tevere wassalhom sal-Port ta’ Ostia minn fejn qabdu mirkeb u telqulha lejn Venezja mill-ġdid.
Ġewwa Venezja kien hemm l-imxija tal-pesta u b’periklu kbir għal saħħithom u ħajjithom Gejtanu u sħabu daru bil-morda bi sħiħ. Dan mingħajr ma ħallew il-professjoni reliġjuża tagħhom. Fil-fatt ġo Venezja fetħu t-tieni dar tagħhom. Waslitilhom aħbar minn Ruma li kienu mitluba jiftħu dar f’Napli. Gejtanu flimkien ma’ Don Giovanni Marinoni, illum Beatu Marinoni, telqulha lejn Napli.
Ġew milqugħa mill-Konti ta’ Oppido, raġel twajjeb u mill-aħjar li offrielhom kenn u ikel. Dan il-Konti ried jagħmel il-ħajja ta’ Gejtanu u tal-komunita’ Teatina li bdiet tiżdied madwaru, waħda kemmxejn komda, u għalhekk kien spiss jibgħatilhom għajnuna u flus. Dan il-fatt xejn ma għoġob lil Gejtanu u beda jibgħat l-għotjiet lura. Il-Konti żar lil Gejtanu biex jara għala kien qed jagħmel hekk.
Gejtanu talbu jwaqqaf l-għotjiet tiegħu għaliex hu u sħabu riedu jgħixu biss b’dak li Alla jipprovdi. Iż-żejjed, u dak li mhux meħtieġ kien u jibqa’ żejjed u mhux meħtieġ. Qallu li f’Venezja hekk kienu jgħixu, u għexu. Il-provvidenza ta’ Alla kienet dejjem magħhom. Il-Konti kemmxejn iffastidjat stagħġeb. Qal lil Gejtanu li Napli mhix Venezja, u pront pront Gejtanu wieġbu “Veru! Imma Alla ta’ Venezja hu l-istess Alla ta’ Napli!”
Ir-renju ta’ Napli waqa’ f’idejn Spanja fl-1503 u per konsegwenza beda jagħmel parti mill-Imperu Qaddis Ruman immexxi mill-Imperatur Karlu V. L-Imperatur bagħat imexxu f’ismu numru ta’ Viċi Re, wieħed wara l-ieħor. Ir-rabta ta’ Napli fl-imperu kienet ikkonsolidata fl-1529, wara t-telfa tal-Franċiżi fl-aħħar attentat tagħhom biex jerbħu lura r-Renju Naplitan. B’danakollu Napli ma sabitx serħan u kwiet għaliex imxijja tal-pesta ħalliet madwar sittin elf ruħ mejta. Barra dan il-barunijiet ġo Napli u ‘l madwar, li kien għad għandhom il-fewdi tagħhom, kienu l-ħin kollu għaddejjin bl-argumenti bejniethom. L-Imperatur ħaseb li jġib dan kollu fi tmiemu u għalhekk bagħat lil Don Pedro Alvarez de Toledo bħala Viċi Re.
Il-wasla ta’ dan il-Viċi Re f’Napli ħalliet minnufih il-marka tagħha. Qalleb kollox ta’ taħt fuq u b’id iebsa beda jwettaq riformi fl-oqsma kollha. Il-pjan tiegħu kien li jaqla’ lil Napli mill-medju evu u jwassalha ssir waħda mill-aqwa bliet fl-imperu. Meta r-riformi ġewwa Napli bdew iseħħu, l-Imperatur Karlu V żar il-belt biex jara l-fortifikazzjonijiet li kienu tilgħin biex jilqgħu għal kull theddida Torka. Saru ċerimonji u festi għaż-żjara ta’ l-Imperatur. Gejtanu bis-sempliċità kollha tiegħu lissen, “Anki Karlu V għad jgħaddi maż-żmien, u mis-saħħa kollha tiegħu, ma jibqa’ xejn ħlief irmied.”
F’dan it-taqlib kollu, it-Teatini mmexxija minn Gejtanu kienu mal-poplu kontinwament u l-poplu ħabbhom. Kien Gejtanu li ferraħ lill-poplu bl-ewwel presepju u kien hu li nissel fin-Naplitani il-ġibda lejn il-presepju biex maż-żmien inħolqot l-arti tal-presepju Naplitan. Għal Gejtanu iżda mhux kemm il-pasturi jkunu sbieħ kien l-importanti, iżda li dak li jaħdem jew iħares lejn il-presepju, jifhem ir-rigal kbir ta’ Alla magħmul bniedem. Gejtanu kiseb mal-poplu il-fama ta’ raġel qaddis, iżda hu bħal dejjem ma kellu l-ebda għaxqa f’ħajtu ħlief jitlob lill-Mulej u jsib lil Kristu fost il-fqar u l-morda. Kien dan li wasslu biex fl-1539 iwaqqaf il-Monte di Pieta’, il-Bank tal-ħniena. Kien mezz biex bih jgħin lil dawk l-aktar batuti billi jsir self mingħajr interessi. Din l-istituzzjoni mibdija minn Gejtanu mas-snin baqgħet tiżviluppa u tikber u wara li tul is-sekli ingħaqdet ma’ inizzjattivi bankarji oħra ssarrfet f’dak li kien il-Banco di Napoli.
Wasalna għas-sena 1547. F’Napli qam ferment sħiħ. ġriet ix-xnieha li l-Viċi Re, Don Pedro Alvarez de Toledo, ried jintroduċi fil-belt is-sistema ta’ l-inkwiżizzjoni Spanjola. In-Naplitani ma riedux dan u qamu protesti kbar. Il-protesti malajr inbidlu fi ġlied u beda jixtered id-demm. Il-Viċi Re ordna lis-suldati jikkastigaw lir-ribelli. Kienet gwerra ċivili. Minkejja l-perikli ta’ sparar kontinwu, minkejja l-età, Gejtanu kien aktar żied ħidmietu fost il-poplu. Kien jiġġerra fit-toroq b’kurċifiss f’idejh jitlob u jgħajjat għall-paċi u l-waqfien mill-ġlied. Mar ikellem lill-Viċi Re u talbu jwaqqaf lis-suldati milli jkomplu jattakkaw lill-poplu. Il-Viċi Re ma riedx jisma’. Saħaq li hu kellu s-saħħa jdaħħal l-Inkwiżizzjoni għall-ġid tal-belt u r-renju, u għalhekk il-poplu kellu jobdi, inkella jsib il-mewt. Gejtanu kollu mnikket għal dak li kien qed iseħħ fil-belt li ħabb dar lejn il-Mulej u talbu, u offra ħajtu għall-paċi fil-belt ta’ Napli.
Il-forzi bdew iħallu ġisem Gejtanu. Inxteħet marid. Kien jgħaddi ħinu jitlob, jitlob u jitlob. L-uġigħ u l-għejja kien joffrihom bħala talba. Sħabu t-Teatini mimlija inkwiet ġabu t-tabib biex jarah. Dan kemmex xofftejh. Tama…. Ftit li xejn.
Gejtanu bl-aħħar saħħa qabad is-salib li tant kien jgħożż u żammu f’idu jserraħ fuq sidru. Talab għall-paċi fil-belt u kompla joffri ħajtu biex din isseħħ. Kien imdawwar minn ħutu s-saċerdoti. Bid-dmugħ f’għajnejhom semgħuh igedwed l-aħħar talb. Għalaq għajnejh. Il-Mulej kien ħa lura l-warda li kien xeħet fuq l-art sebgħa u sittin sena qabel. Kien is-7 ta’ Awissu tal-1547. (Pic 14)
Fil-mument li ruħu ttajret lejn is-sema fejn intlaqgħet mill-anġli u twasslet quddiem it-tron tal-Mulej, ġewwa Napli bdew jiġru żewġ aħbarijiet fuq fomm il-poplu. Ta’ l-ewwel kienet, “Miet il-Qaddis.” U n-nies kienu jniżżlu l-armi, jerħuhom, biex bl-istess id li kienu qed iżommuhom, iroddu s-salib u jsellmu b’rispett fil-mewt ta’ dan is-saċerdot li tant tahom fis-snin li għex magħhom.
It-tieni aħbar kienet li l-Imperatur Karlu V kien ordna li jekk il-poplu iwaqqaf il-ġlieda tiegħu u jagħraf l-awtorita’ tal-Viċi Re, l-inkwiżizzjoni ma tidħolx f’Napli. Il-ġlied waqaf f’daqqa. Il-poplu kien jifraħ u jgħajjat “Erbaħna.” Alla kien laqa’ talbet Gejtanu. Aċċetta ħajtu u ta s-sliem lil Napli.
Sadanittant sħabu fil-komunità mbikkija, ħejjew il-ġisem ta’ Gejtanu għad-difna. Intqal it-talb u sar id-dfin. Gejtanu, Konti ta’ Thiene, Avukat, Saċerdot, Fundatur ta’ l-Ordni tal-Kjeriċi Regolari, indifen f’qabar komuni tat-Teatini, fil-kripta tal-Bażilika ta’ San Paolo Maggiore fil-qalba storika ta’ Napli. (Pic 15)
Isem Gejtanu ma mietx mal-mewt tiegħu. Isem Gejtanu beda jixtered minn belt għall-oħra. Il-fama tal-qdusija xterdet fost il-popli u qabżet il-fruntieri ta’ l-Italja. Tqies qaddis f’ħajtu, tqies hekk aktar wara mewtu, meta l-paċi li saltnet f’Napli ma’ mewtu nħasset li kien miraklu kbir li seħħ bl-interċessjoni tiegħu. Il-poplu beda jitlob lil Gejtanu f’kull ħtieġa tiegħu, u isem il-qassis li dejjem fittex il-glorja ta’ Alla u qatt xi ġieħ personali, beda jitlissen fuq fomm il-poplu bħala isem ta’ Qaddis.
Gejtanu ta’ Thiene kien ibbeatifikat fit-23 ta’ Novembru 1624 mill-Papa Urbanu VIII. Dan iben Viċenza ġie msejjaħ Qaddis tal-Knisja Universali mill-Papa Klement X fit-12 t’April 1671. (Pic 16)


