Il-Festa Ta’ San Gejtanu

Ma tistax titkellem dwar il-Ħamrun jew dwar il-ġrajja Ħamruniża u ma ssemmix il-Festa ta’ San Gejtanu, għaliex din il-festa hija mhux biss parti mill-aktar integrali tal-ħajja Ħamruniża, iżda magħha ssawru u daru bosta mill-ħidmiet fil-Ħamrun, ħidmiet li wasslu biex il-lokal jieħu identità.

Hekk kif l-inħawi nqatgħu parroċċa għalihom, in-nies tal-lokal mill-ewwel bdew jiċċelebraw il-festa f’ġieħ il-Patrun San Gejtanu, anke jekk sa snin sħaħ wara kien għad hemm numru ta’ parruċani li kienu għadhom m’aċċettawx lil dan il-Qaddis bħala Patrun, u kien għadhom joħolmu li kellu jinbidel għal San Ġużepp. Xhieda ta’ dan huma saħansitra ittri li dehru fil-ġurnali f’dawk iż-żminijiet bikrin.

Iżda s-snin imxew u magħhom isem San Gejtanu bħala Patrun Waħdieni tal-Parroċċa intrabat ma’ demm il-Ħamruniżi, bil-konsegwenza li għall-Ħamruniżi festa waħda teżisti – il-Festa ta’ San Gejtanu – li kibret tant fil-popolarità li bla ebda dubju llum hi jekk mhux l-aktar, waħda mill-aktar festi li jiġbdu lejhom nies minn kull rokna ta’ Malta.

Waqt li f’irħula u bliet oħra n-nies tinġabar biex tgawdi spettakli ta’ logħob tan-nar jew biex titpaxxa b’armar rikk u sabiħ fit-toroq, fil-Ħamrun in-nies tersaq biex tipparteċipa u mhux biex tħares. Il-festa ta’ San Gejtanu hija festa tan-nies, tal-folol u tal-massa.

L-ewwel ċaqlieqa li l-festa tkun qed toqrob tibda tinħass mal-bidu ta’ Ġunju hekk kif jibdew jiġu ċċelebrati d-Disa’ Erbgħat ta’ San Gejtanu. Dawn inbdew bħala devozzjoni u tħejjija. Maż-żmien fihom kienu bdew isiru wkoll xi ċelebrazzjonijiet fuq barra, ħaġa li llum ma ssibhiex u l-Erbgħat reġgħu lura għal dak li kienu oriġinarjament, jiġifieri jiem ta’ devozzjoni u tħejjija għall-festa b’funzjonijiet ġewwa l-Knisja.

Iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja f’dawn l-Erbgħat ikunu jikkonsistu f’quddiesa bi priedka, isir il-kant tal-innu u l-antifona u fl-aħħar tingħata l-Barka Sagramentali. Kull Erbgħa jkun iddedikat għal xi grupp, inħawi, jew għan differenti. Mill-1988 lil hawn, nhar l-aħħar Erbgħa sar ikun jum tassew speċjali għaliex dakinhar il-Ħamruniżi jinġabru bi ħġarhom għall-Quddiesa kantata li ssir u li fi tmiemha isir il-ħruġ min-niċċa tal-istatwa artistika ta’ San Gejtanu, xogħol Karlu Darmanin.

Tajjeb jingħad li fiż-żmien li kienu jsiru ċelebrazzjonijiet esterni fl-Erbgħat, bandisti mill-Każin San Gejtanu kienu jintefgħu fil-gallerija tal-Każin li kienet tkun imżejna ‘a la Venezjana’ u hemm joqgħodu jdoqqu mużika ballabbli u brijuża bin-nies tiżfen fit-triq.

Minn dejjem kien il-fatt li mal-aħħar Erbgħa kien jibda l-furur proprja tal-festa. L-atmosfera tkun tinħass fl-arja u tibda tara l-ilwien tal-baned milbusin u jżejnu wkoll galleriji tad-djar.

Sal-1987, il-ħruġ tal-vara min-niċċa kien isir Ħadd qabel il-festa, iżda maż-żmien inħolqu sitwazzjonijiet li kienu qed inisslu pika u l-okkażjoni kienet qed tiswa ta’ aktar ħsara milli ta’ ġid. Meta saret ir-riforma li rregolat il-festa il-ħruġ tal-vara beda jsir nhar l-aħħar Erbgħa waqt funzjoni reliġjuża.

Il-festa, għal numru ta’ snin kienet tiġi ċċelebrata nhar Jum il-Qaddis, jiġifieri fis-7 t’Awwissu, iżda mbaghad kien ġie deċiż li tibda ssir Ħadd wara s-7 t’Awwissu u l-festi esterni kienu mifruxa fuq tlett ijiem, il-Ġimgħa, s-Sibt, u l-Ħadd. Il-festi esterni kienu mqassma filli fil-jum tal-Ġimgħa iddoqq banda skont liema jmissha u takkumpanja l-istatwa ta’ San Gejtanu (li ħafna għadhom sallum isejħulha l-‘Luteru’) li tittellgħa f’Misraħ San Pawl. Is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu il-baned San Gejtanu u San Ġużepp jagħmlu l-marċijiet tagħhom u l-Ħadd filgħaxija ssir il-purċissjoni.

Il-ħinijiet tal-marċijiet għal ħafna snin kienu joħolqu piki u nkwiet: min se jibda u min se jispiċċa l-ewwel, sigħat sħaħ ta’ daqq, u ħwejjeġ simili li kienu jnisslu tensjoni. Sa anqas minn tletin sena ilu l-marċ tal-Ħadd filgħodu ġieli kien jiġġebbed sa kważi l-4.45pm.

Minkejja li ż-żewġ baned kienu ilhom snin twal jidħlu għand xulxin, jattendu okkażjonijiet fil-każini rispettivi u jieħdu sehem f’attivitajiet u anniversarji ta’ xulxin, dawn il-ħwejjeġ kienu baqgħu sors ta’ piki bejn il-partitarji li wara kollox huma huma li jimlew it-toroq nhar il-festa.

Ġara li sfortunatament magħhom kienu jingħaqdu nies li kien ikun moħħhom jimpikaw fuq kollox u li sabu l-marċijiet popolari fil-Ħamrun, staffa tajba biex jieħdu propaganda politika billi jintrefgħu fuq l-ispalla, iħallu lilhom infushom jiżżeffnu mar-ritmi tal-marċi, l-aqwa li b’xi mod isir reklam għal meta tasal l-elezzjoni... il-mezzi tax-xandir li nafu llum u l-internet ta’ dawn l-aħħar snin kienu għadhom ‘il bogħod, u għalhekk il-marċ ta’ San Gejtanu kien reklam tajjeb.

Mela l-piki tal-partit tal-banda u ż-żieda ta’ dawn il-ħmerijiet u assurditajiet politiċi, wasslu biex fl-1987, il-Ħamrun għadda mill-agħar esperjenza tiegħu, meta nhar il-festa kien inħoloq inkwiet tant serju li kien ġab ħidma ta’ snin twal kważi fix-xejn.

Iżda l-poplu Ħamruniż jimmaġina ħajtu mingħajr kollox, iżda żgur mhux mingħajr il-festa ta’ San Gejtanu, u wara li għaddiet il-ħasda li messet lil kulħadd, inbdew taħdidiet serji bejn iż-żewġ baned u l-parroċċa biex f’April 1988, kien iffirmat kuntratt li jirregola sewwa il-ġimgħa sħiħa tal-festa.

Jekk il-Ħamrun kien kiteb paġna negattiva fl-1987, sena wara kien kiteb paġna kbira permezz ta’ dan il-ftehim, għaliex kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, u warajh bosta parroċċi oħra għamlu kuntratti dwar il-festi tagħhom.

Mill-1988, il-festa ta’ San Gejtanu tmexxiet fuq dan il-kuntratt u hekk kulħadd jaf x’se jsir, il-meta u l-kif.

Minkejja l-popolarità u l-briju kbir waqt il-marċijiet, l-aqwa parti tal-festa tibqa’ l-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Gejtanu, l-Ħadd filgħaxija, fejn il-poplu jinġabar madwar il-Patrun tiegħu.

Meta l-istatwa ta’ San Gejtanu tasal quddiem il-Każin San Gejtanu, issir ċerimonja qasira fejn il-Kappillan tal-Parroċċa mill-gallerija tal-Każin jgħid it-Talba ta’ San Gejtanu, u wara tingħata tislima lill-Qaddis permezz ta’ kanzunetta f’ġieħu.

Wara jkun jonqos id-dħul ġewwa l-Knisja Parrokkjali bil-ġirja tradizzjonali.

Minkejja l-problemi, x-xogħol, it-taħbit, u l-uġigħ ta’ ras li festa b’eluf kbar jipparteċipaw fiha ġġib magħha, ebda Ħamruniż ma joħlom li jgħix f’Ħamrun mingħajr din l-isbaħ ġimgħa tas-sena.