Kwadri fil-Knisja Parrokjali San Gejtanu - Ħamrun
Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, bħal bosta knejjes oħra, hi mimlija b’opri artistiċi, anke jekk mhix wisq antika. Ħafna drabi wieħed iħares lejhom mingħajr ma jifhem it-tifsira warajhom, sew dik artistika, kif ukoll storiko-soċjali. F’dan il-kuntest din il-kitba hi maħsuba biex twassal osservazzjonijiet dwar parti minn dan il-patrimonju biex wieħed jifhem u japprezza.
Forsi l-akbar teżori li għandha din il-knisja huma l-kwadri fuq l-altari, bosta minnhom ta’ valur artistiku konsiderevoli. Il-fatt li saru għal fuq altar, kien jitlob mill-artisti rispettivi, impenn akbar għaliex jaf li ser jiġbdu aktar attenzjoni, ikunu ta’ daqs kbir u normalment jibqgħu fil-lok permanentament, mhux bħal opri oħra li jintużaw għall-kult jew biex jiddekoraw it-tempju fil-festi prinċipali. Apparti mill-mertu artistiku u n-narrativa reliġjuża b’elementi duttrinali jew devozzjonali, jista’ jkollu konotazzjoni soċjali, sew marbuta ma’ individwu (bħal benefattur), jew kollettiva mal-komunità parrokkjali jew għaqda (bħal fratellanza).
Il-perjodu li matulu nbniet il-knisja u saru fiha dawn il-kwadri kien wieħed transitorju u jaħraq f’pajjiżna. Fl-Ewropa kien ilu li l-Barokk ġie mwarrab u kien invoga in-Neoklassiku. Hawn Malta kien jeżisti Moviment tan-Nazzareni immexxi minn Ġużeppi Hyzler. Anke wara li dan miet (1858) xorta waħda baqa’ jsir ħafna xogħol fil-knejjes b’tendenzi klassiċi, kif kienet mgħallma fl-Akkademja ta’ San Luqa f’Ruma, fejn anke ħadu l-formazzjoni tagħhom bosta artisti Maltin. Biss kien hemm ukoll tendenzi oħra differenti ta’ espressjoni Realista, li kienet f’konfront ma’ dik tal-Puristi.
L-ewwel ħarsa li se nagħtu hija dwar żewġ artisti kbar li għandhom xogħlijiet fil-Knisja Parrokkjali tagħna. Dawn huma Ġużeppi Cali (1846-1930) u Pietru Gagliardi (1809-1890), li huma eżempju eċċellenti tal-kuntrast artistiku msemmi.
Ġużeppi Cali studja fl-Akkademja tal-Arti f’Napli u kien espost għal tendenzi differenti barra dawk tan-Nazzareni. Kellu influwenza kbira fuqu x-xogħol ta’ Filippo Palizzi u Domenico Morelli li kienu nqatgħu minn dak li hu strettament akkademiku u klassiku biex fittxew espressjoni aktar realistika. Meta Cali rritorna Malta fl-1867, naturalment sab ambjent ostili għall-mod ta’ kif xtaq jesprimi ruħu u ma kienx faċli biex għall-bidu jibdel din il-mentalità konformista li kellha bħala promoturi bosta nies kolti, l-aktar ekkleżjastiċi. Wieħed minn dawn kien Monsinjur Pawlu Pullicino (1815-1890), li kien imur spiss Ruma u tħabbeb ma’ diversi artisti Taljani jew oħrajn attivi hemm, u ħadem biex jagħtihom diversi kummissjonijiet għal xogħol fil-knejjes Maltin. Meta ra l-veriżmu ta’ Cali, ċertament li ddarras u ra kif għamel biex iħajjar lil Pietru Gagliardi (fost l-oħrajn) biex jaħdem skont il-gosti tiegħu, dawk Romantiċi u Puristi. Naturalment ir-reazzjoni ta’ Cali kienet ta’ diżapprovazzjoni u fuq dan kien hemm bosta polemiċi anke fil-ġurnali.
U dawn iż-żewġ artisti kellhom iħallu fost l-aqwa xogħlijiet li nsibu fit-tempju tagħna.
SAN GEJTANU – Pietru Gagliardi
Dan huwa l-kwadru titulari, mhux biss tal-altar li jinsab fuqu, iżda wkoll tat-tempju, għaliex il-knisja hi ddedikata lill-Qaddis tal-Providenza. Sar ġewwa Ruma minn Pietru Gagliardi u nġieb fil-5 ta’ Lulju 1881, is-sena li fiha l-Ħamrun sar Parroċċa. Qam mitt lira u ħallas għalih l-Isqof Gejtanu Pace Forno, li kien strumentali biex il-knisja ssemmiet għal San Gejtanu. Għalhekk l-artist poġġa l-istemma tal-Isqof fil-bażi tal-kolonna.
L-għażla tas-suġġett kienet naturali – San Gejtanu fl-aktar mument speċjali ta’ ħajtu, id-dehra li kellu fil-Milied tal-1517, meta Marija offrietlu lil Binha Ġesù. Hu suġġett popolari ferm mal-artisti li pittru l-Qaddis u per konsegwenza popolari ukoll mad-devoti tiegħu. Dan mhux biss hu mement sabiħ u speċjali għall-Qaddis iżda anke għall-ispettatur li filwaqt li jammira l-kwadru, jidħol fl-ispirtu tas-suġġett u mal-protagonisti jimmedita dan il-mument mhux komuni. Fl-Arti Sagra dan is-suġġett fejn xi qaddis ikollu lil Marija toffrilu lil Ġesù, jew meta hu nnifsu ikun qed iżommu f’idu, huwa mument kuntrastanti. Dan għaliex filwaqt li jaspira sens ta’ kalma u serenità bħal meta f’adorazzjoni, mill-banda l-oħra jitfaċċa quddiemek ambjent ta’ festa u ferħ – ta’ solennità. Id-dehra fiha element qawwi ta’ misteru, ma tinftiehemx jekk ma tkunx imġarrba personalment għax hi esperjenza mistika u personali.
F’dan il-kuntest it-titular tal-Ħamrun hu mudell perfett. Il-ġesti tat-tliet persuni huma sinkronizzati f’mument ta’ sottomissjoni profonda, mument ta’ grazzja. Il-moviment hu kkontrollat, b’linja sempliċi u kuluri nodfa, tipikament Purista. Is-sħab li fuqu qed tistrieħ Marija qed jaqtagħha mid-dinja ‘reali’, b’kuntrast mal-Qaddis li jinsab għarkopptejh fuq it-tarġa tal-altar. L-eżekuzzjoni hi tajba ħafna b’bilanċ ta’ proporzjon u kulur. Il-figura ta’ Marija u l-aktar ta’ Binha ċkejken, għandhom komportament doċli, ta’ ħlewwa u grazzja li tispira devozzjoni.
ID-DULURI – Pietru Gagliardi
Dan il-kwadru, xogħol ieħor tat-Taljan Pietru Gagliardi sar fl-1880. Hu mhux biss wieħed mill-aħjar xogħlijiet tiegħu f’Malta, iżda mill-isbaħ b’dan is-suġġett ukoll. Id-Duluri fil-Ħamrun għandha devozzjoni kbira u ma setax jonqos li jsir altar tagħha mill-bidu fil-knisja l-ġdida. Marija tinsab bilqiegħda fuq il-kalvarju b’idha miftuħa beraħ u b’Ġesù mitluq fuq ħoġorha.
L-atmosfera hi kif mistenni, waħda ta’ dieqa u għalkemm it-temp hu mudlam bħal f’xi tempesta, però xorta jispira f’min jarah sens ta’ ħniena u aċċettazzjoni, mhux ta’ disperazzjoni. Il-kuluri huma bilanċjati bil-blu, roża u isfar tal-libsa tal-Madonna, mat-terħa ħadra u karnaġġjon griż ta’ Kristu. Il-kompożizzjoni mibnija bi trijangolu għall-figuri umani li jinkiser bis-salib u l-pajsaġġ, flimkien mas-simboli tal-passjoni. Ħasra li dan ix-xogħol brillanti ftit li xejn hu magħruf.
IL-MADONNA TAL-KARMNU – Ġużeppi Cali
Normalment kull artist tajjeb, għalkemm tagħraf xogħlijietu għaliex ikun fihom timbru partikulari, ikollu diversi fażijiet li jirriflettu l-iżvilupp li jkun qed jagħmel.
Ġużeppi Cali, il-pittur ta’ dan ix-xogħol, kien hekk ukoll – dejjem jimmatura u jorqom xogħolu. Għall-knisja tal-Ħamrun għamel tliet kwadri għal altari, li nistgħu ngħidu jidħlu mal-ewwel fażi tal-attività artistika tiegħu meta kien għadu ossessjonat bit-tagħlim li xorob minn Napli.
Dan il-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu, kont issibu fil-parti l-kbira tal-knejjes parrokkjali għaliex id-devozzjoni lejn dan it-titlu Marjan hi kbira. Wieħed irid jiftakar ukoll li l-Ħamrun hu viċin il-Belt, fejn hemm is-Santwarju Nazzjonali Karmelitan. Jidher li dan kien wieħed mill-ewwel kwadri li saru fil-knisja meta lanqas kienet għadha parroċċa, fl-1879, u ħallas għalih Ġużeppi Farrugia Preca, li tiegħu hemm stemma fuq il-kwadru.
Jidher ukoll li kien wieħed mill-ewwel kwadri li Cali pitter fuq l-altari f’pajjiżna, probabbilment it-tieni jew it-tielet.
Dan il-kwadru, għalhekk hu importanti biex wieħed jifli x-xogħol bikri tal-artist fejn juri dixxiplina u karattru akkademiku, b’impasta qawwi u realiżmu ta’ livell eċċezzjonali, l-aktar fit-trattament tal-muntanja u s-serp, kważi maqlugħ ‘il barra mill-kwadru.
Il-kompożizzjoni hi sempliċi bil-figura tal-Madonna biċ-ċkejken Ġesù fi ħdanha, tiddomina kważi l-kwadru kollu. Il-ħarsa tagħhom frontali hi grazzjuża daqskemm devota, b’mudellatura riġida li tfakkrek f’mudelli klassiċi.
L-isfond bi sħab miksur b’dawl qawwi mid-dija li qed toħroġ minn wara ras Marija tikkuntrasta bil-kif il-parti ta’ taħt is-serp, xempju tad-dlamijiet.
SAN ĠUŻEPP – Ġużeppi Cali
San Ġużepp, bħall-patrun tal-parroċċa San Gejtanu, kellu devozzjoni kbira fil-Ħamrun tant li parti mil-lokal kienet tissejjaħ Raħal San Ġużepp. Wisq probabbli, li ma kienx għall-interess personali tal-Isqof Pace Forno, din il-parroċċa kienet tkun iddedikata lil San Ġużepp.
Dan il-kwadru, li preżentament jinsab f’post importanti fil-knisja, però qabel kien flok wieħed mill-bibien tal-ġnub, kien kummissjoni ferm importanti, li Cali jidher li ħadha bl-akbar impenn. L-ewwelnett il-Qaddis kien għadu f’kompetizzjoni mat-titular, kien iġib ismu, u jidher li permezz tiegħu ried jagħti risposta lill-kritiċi tal-kwalitajiet li kellu.
Pittru fl-1884 u l-benefattur kien Antonio Attard li tiegħu ukoll hemm l-istemma fil-parti t’isfel. Hu meqjus mill-kritiċi bħala wieħed mill-kapolavuri tal-artist fejn tidher ċara l-ispirazzjoni Morreljana. Il-kwalitajiet artistiċi tiegħu huma evidenti f’kull sens, ibda min-naturaliżmu tal-persuni bid-dellijiet simili għax-xogħol tal-Morelli u kompli fit-trattament tal-isfond, li filwaqt li hu kemmxejn sobriju iżda kull ħaġa li tidher fih hi trattata sal-iċken dettall.
San Ġużepp jidher bħala raġel ġwejjed li b’kalmezza u għożża qed jindokra lil Ġesù, sorġut fuq ċint. Hu ukoll il-ħaddiem, f’ambjent tax-xogħol u fuq rasu qed ixidd kappott li jibqa’ nieżel sal-art, dettall mhux komuni fl-ikonografija Ġużeppina.
Għall-finezza tiegħu, dan il-kwadru jixraqlu li jkun apprezzat aktar għax kif jgħid tajjeb korrispondent fil-Corriere Mercantile Maltese tat-3 ta’ Diċembru 1885 – dan ix-xogħol hu dehen li jitpoġġa f’waħda mill-iprem knejjes tad-dinja! –
IL-MADONNA TAD-DUTTRINA – Ġużeppi Cali
Il-kwadru tad-Duttrina jidher li sar qrib l-1885 meta d-devozzjoni lejn dan it-titlu Marjan kienet fl-aqwa tagħha ġewwa Malta. Tant hu hekk li f’parroċċi qrib, bħall-Furjana u Birkirkara, kienet issir festa kbira u kellhom anke l-vara proċessjonali.
Din id-darba Cali għamel kompożizzjoni ffullata b’sitt figuri. Fiċ-ċentru Marija b’idha tal-lemin qed tfiehem u bl-oħra żżomm skrittura b’kitba bil-latin sorġuta fuq framment ta’ kolonna. It-tfal jirrappreżentaw il-ħames kontinenti li jekk wieħed jinnota tajjeb qed iwasslu messaġġ storiku, daqskemm attwali. Fuq il-lemin hemm erba’ minnhom isegwu b’attenzjoni, filwaqt li fuq ix-xellug it-tfajjel tork jinsab b’rasu baxxuta donnu bla nteress f’dak li qed jiġri. Tgħid din metafora tan-nuqqas ta’ qbil li dejjem kien hemm bejn ir-reliġjonijiet Kattolika u Iżlamika?
F’dan ix-xogħol, l-artist donnu jibda jittrasforma ruħu – isir anqas realistiku u jdaħħal umanità u grazzja fl-espressjoni tal-personaġġi. Il-kompożizzjoni hi artikolata tajjeb, kif inhi ukoll l-iskema kulurita tal-kwadru.
Kwadri oħra:
SANT’ ANTNIN – Domenico Bruschi
Wieħed mill-kwadri sbieħ hu dak ta’ Sant’ Antnin. Dan il-qaddis minn dejjem kellu devozzjoni kbira f’pajjiżna tant li hu nvokat bħala ‘tal-mirakli’ u xhieda t’hekk huma bosta l-persuni msemmija għalih. Il-qaddis jiddomina l-kompożizzjoni kollha u tispikka sew il-figura dritta tiegħu speċjalment bit-tonka ta’ patri Franġiskan, għaliex din filwaqt li hi ta’ kulur skur, tinqala’ mill-kumplament li hu maħdum b’kuluri ċari. Sant’ Antnin qed iżomm fuq idejh lil Ġesù tfajjel grazzjuż ferm, b’rasu baxxuta tmiss ma’ ras Ġesù. Sabiħa ferm hi t-terħa ta’ kulur dehbi li fuqha qed jistrieħ it-tfajjel li anke tikkontrasta sew mal-libsa tal-patri.
Madwar, hemm kor ta’ anġli u putti ħelwin, uħud minnhom jitfgħu il-ward u wieħed iżomm il-ġilju, li hi simbolu tas-safa. Putto partikulari jinsab fuq ras il-qaddis, donnu qed jofroq is-sħab.
Dan ix-xogħol sar fl-1884 mit-Taljan Domenico Bruschi li kien wieħed mill-aħjar artisti li ħadem f’pajjiżna fl-aħħar nofs tas-seklu 19, u kien attiv ferm f’Ruma. Xogħol importanti tiegħu li għandu f’Malta, hu l-kwadru tal-Lunzjata fil-Katidral tal-Imdina, li ħadem fl-1886.
SANT’ APPOLLONJA – Anna Forti
Aktarx li dan hu l-uniku kwadru/altar iddedikat lil din il-qaddisa ġewwa Malta. Sant’ Appollonja hi l-patruna tad-dentisti u fil-Ħamrun, subborg li żviluppa malajr, anke f’żona residenzjali, kien hemm bżonn ta’ aktar minn dentist wieħed! Filfatt kien wieħed minn dawn li ħallas għal dan il-kwadru. Hu xogħol tal-pittriċi minn Ruma, Anna Forti, li tlesta fl-1874.
Anke dan il-kwadru hu dominat mill-figura tal-Qaddisa li tinsab b’idha miftuħa, tiela’ s-sema, biex tieħu l-kuruna tal-glorja wara l-martirju. Dan hu rifless tajjeb fis-simboli li għandhom f’idhom it-tliet putti – il-ġilju (safa), il-palma (martirju), u l-kuruna tar-rand (il-glorja). Anke l-kuluri tal-ilbies tal-Qaddisa jfissru l-istess ħaġa (aħmar u abjad).
Dan hu xogħol tajjeb, għalkemm mhux tal-livell tal-Gagliardi u tal-Bruschi, fl-idjoma kontemporanja tan-Neoklassiċiżmu.
SAN BENEDITTU u SANTA SKOLASTIKA – Giuseppe di Giovanni
Dan ukoll mhux titular komuni fil-knejjes tagħna ħlief fejn hemm komunitajiet Monastiċi Benedittini, bħal fil-Birgu u l-Imdina. Stramba kif dan l-altar spiċċa fil-parroċċa ta’ San Gejtanu, anke għaliex hi parroċċa relattivament moderna.
Il-kwadru li nsibu fl-ewwel kappella tal-lemin iddedikat lil dawn iż-żewġ Qaddisin, huwa wisq probabbli l-aktar pittura ta’ preġju artistiku li nsibu fil-Knisja. Meta fl-1960, inġabret il-krema tal-arti li nsibu f’kollezzjonijiet lokali (pubbliċi u privati), biex saret wirja kbira għall-okkażjoni taċ-Ċentinarju Pawlin, din il-pittura ġiet magħżula ukoll. Vincent Bonello, direttur tal-Belle Arti u wieħed mill-kritiċi ewlenin ta’ pajjiżna ta’ kull żmien, qal dwar dan il-kwadru – “a good example of Sacred nineteenth century painting, planned with simplicity and economy of means”
Il-pittur kien Giuseppe di Giovanni minn Palermo. Juri lil San Benedittu bilwieqfa fuq il-lemin u n-naħa l-oħra oħtu Santa Skolastika bilqiegħda, it-tnejn f’mument ta’ ġabra qishom qed jimmeditaw. L-ambjent sobriju u kalm inissel fl-ispettatur trankwillità u paċi, elementi tipiċi tal-ħajja monastika. Fl-isfond, wara l-Qaddisa jidher l-altar bil-kurċifiss u mal-pilastru hemm xbieha tal-Madonna. L-istil hu realista, kemmxejn drammatiku, għalkemm limitat fl-għażla tal-kulur. Sabiħ ferm il-profil ta’ ras il-Qaddis, raġel xwejjaħ, imma dinjituż. Kollox ma’ kollox, dan hu verament teżor artistiku li jixraqlu jkun studjat u apprezzat ferm aktar.
IL-MADONNA TAR-RUŻARJU – Ġużeppi Bonnici
Altar b’dan it-titlu Marjan issibu fil-parroċċi kollha li saru qabel din tal-Ħamrun u kien devot ferm. Marbut miegħu bosta drabi ssib ukoll fratellanza li dejjem tħabbrek biex ikollha altar f’post prominenti fil-knisja. Għalhekk f’din il-parroċċa insibuh eżatt ħdejn dak tal-maġġur b’altar tal-irħam sabiħ.
Il-kwadru hu xogħol Ġużeppi Bonnici u sar fl-1881, is-sena meta l-knisja saret Parroċċa. Mhux xi kapolavur artistiku iżda lanqas mhu medjokri.
Il-Madonna bilqiegħda fuq is-sħab b’Ġesù Bambin bilwieqfa n-naħa tax-xellug tagħha, iserraħ idu l-leminija fuq ħoġorha. Marija tnewwel il-kuruna tar-Rużarju lil San Duminku li jinsab għarkopptejh b’sens ta’ sottomissjoni. Warajh hemm qaddis ieħor Dumnikan, San Vinċenz Ferreri, bilwieqfa.
Biex jibbilanċja l-kompożizzjoni, fuq ix-xellug, in-naħa t’isfel, naraw ukoll puttin ħelu bilqiegħda jżomm girlanda tal-ward. Il-kuluri huma ċari, f’idjoma Purista, fejn hi nieqsa mhux ftit is-sensittività u ħlewwa fit-trattament narrattiv, ħlief għall-puttin imsemmi.
IL-MADONNA TAĊ-ĊINTURA
Dan il-kwadru nteressanti seta’ sab postu f’din il-knisja bl-insistenza tal-Isqof Pace Forno, li għażel it-titular tal-knisja u kien benefattur ewlieni tagħha. Dan il-prelat kien reliġjuż Agostinjan, u għandna għax naħsbu li ma kienx ser jibqa’ lura milli jdaħħal il-kult lejn din id-devozzjoni Marjana tant għal qalb l-Ordni Agostinjan.
F’pajjiżna nsibu bosta parroċċi li għandhom altar jew fratellanza tal-Madonna taċ-Ċintura, iżda mhux wara din tal-Ħamrun, li tidher donnha barra minn żmienha. Dan flimkien mal-pożizzjoni prominenti fil-kappellun tal-lemin (pariġġ il-Qaddis sekondarju San Ġużepp), juri li seta’ verament tpoġġa mill-Isqof imsemmi jew b’rispett lejh.
Teknikament il-kwadru mhux ta’ min imaqdru. Xogħol f’idjoma Barokka tas-seklu 18, probabbilment lokali, simili għal dak ta’ Enrico Regnaud (1692-1764). Dan hu għalhekk, l-eqdem kwadru li hemm fil-knisja u seta’ kien band’oħra, fuq xi altar jew f’xi kunvent.
Marija fiċ-ċentru bilqiegħda b’Ġesù tarbija f’idha tal-lemin u b’dik tax-xellug tnewwel iċ-ċintura lil Santa Monika. Pariġġ, fuq il-lemin tal-Madonna hemm Santu Wistin bl-ilbies pontifikali u bil-qalb fuq sidru, li qed jirċievi ċ-ċintura mingħand Ġesù. Fil-parti ta’ taħt hemm grupp ta’ puttini iżommu s-simboli Agostinjani. Żewġ figuri oħra, forsi Sant Anna (lemin) u San Ġwakkin (xellug), jippariġġaw lil Madonna. Fil-parti ta’ fuq hemm fiċ-ċentru l-Ispirtu s-Santu u numru ta’ putti. Il-kompożizzjoni hi kemmxejn iffullata, biss kull ħaġa tinstab f’postha bla ma ttellef xejn mid-didattika tal-kwadru.
(tagħrif mislut minn kitba ta’ Ray Saliba, li deher f’pubblikazzjonijiet
tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu)


