Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin
Fergħa wisq importanti fl-organizzazzjoni misjuba fl-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, bla dubju hija l-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin (K.Ż.T.), li rat it-twaqqif uffiċjali tagħha fl-1987.
Għalkemm bħala fergħa tfaċċat uffiċjalment fix-xena u fl-istorja tal-Għaqda, iż-żgħażagħ dejjem kellhom rwol importanti fil-ħajja tal-Għaqda u tul ġrajjiet l-Għaqda, fil-81 sena ta’ qabel, naraw li kienu ż-żgħażagħ Tamlin li taw kontribut kbir biex inkitbu l-ġrajjiet ta’ storja ta’ suċċess, eżempju fl-oqsma sportivi, fis-sehem tal-karnival, u ovvjament fil-banda meta qatt ma naqas in-numru ta’ żgħażagħ jitgħallmu u jdoqqu mal-Banda San Gejtanu.
Naqraw f’minuti tas-snin sittin u jirrakontaw uħud li lejn tmiem is-snin sittin kien qed isir sforz biex tiġi organizzata taqsima għaż-żgħażagħ fi ħdan l-Għaqda. Promoturi ewlenin ta’ din l-idea kienu Dr John Buttigieg, illum President tal-Għaqda, u s-Sur Ray Azzopardi, personalità magħrufa fil-qasam tax-xandir, li t-tnejn f’dawk is-snin kienu fl-aqwa taż-żgħożija tagħhom. Biss iż-żmien kien għadu ma sarx biex titwaqqaf din it-taqsima u l-idea mietet u ż-żgħażagħ baqgħu jaħdmu fi ħdan l-Għaqda bil-mod li bih ħadmu tul is-snin kollha ta’ qabel.
Waslu s-snin tmenin u bil-mod il-mod l-idea reġgħet qabdet, u mingħajr ma kien għadu sar twelid bdew jidhru l-ewwel sinjali ta’ frott li din setgħet tħalli. Filfatt naraw li f’dawk is-snin għad sabiħ ta’ żgħażagħ ilkoll partitarji tal-Għaqda bdew jiltaqgħu tista’ tgħid kuljum ġewwa l-ħanut Trocadero li kien hemm quddiem il-knisja ta’ San Gejtanu. Hemmhekk fuq pizza tajba u flixkun birra, kienu joħolmu, jiddiskutu, u jaraw x’jistgħu jagħmlu b’risq il-Każin, il-Banda u l-Briju tal-Festa. U hekk tfaċċaw l-ewwel rigali lill-Għaqda miż-żgħażagħ, rigali li wrew ħsieb warajhom għaliex kienu strumenti ġodda għall-banda. Mertu kbir biex dan kollu seta’ jseħħ kellu s-Sur Philip Grima li kien instigatur prinċipali tal-idea u tal-ħidma li saret.
Fis-sena li fiha l-Għaqda ċċelebrat it-Tmenin Anniversarju, jiġifieri l-1986, kienu saru għadd ta’ attivitajiet speċjali, fosthom l-ewwel Akkademja ta’ Mużika u Letteratura li qatt saret fil-Knisja Parrokkjali minn Banda Ħamruniża, li fihom dawn iż-żgħażagħ ikkontribwew bi sħiħ kemm b’għajnuna fl-armar, tindif u ġbir ta’ donazzjonijiet, kif ukoll bir-rigali tagħhom. Fl-istess żmien bosta minnhom bdew jitolbu li l-biljard jitniżżel mis-sular ta’ fuq, jintrama’ fis-Sala l-Kbira t’isfel u hekk ikun aktar aċċessibbli. Meta dan sar, il-parti l-kbira tagħhom bdew iqattgħu is-sigħat ġewwa l-Każin, u wara li jwettqu diversi xogħlijiet, jinġabru madwar il-mejda tal-biljard u hemm jgħaddu l-ħin liberu tagħhom.
Waslet il-festa tal-1987, li sfortunatament għall-Ħamrun kollu, kienet kollox barra festa f’ġieħ San Gejtanu. L-inkwiet kbir li kien inqala’ dakinhar seta’ faċilment ikisser dak kollu li nbena kemm ilu wieqaf il-Ħamrun. Kienet ħasda enormi li jew jirnexxilek tqum malajr minnha jew tkarkar snin twal biex il-ġerħa tfieq. Fortunatament għall-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, il-ġerħa fieqet u għalqet fi ftit jiem, u minn dak id-diżastru l-Għaqda ħarġet aktar qawwija u b’saħħitha u sehem kbir biex dan iseħħ kellhom iż-Żgħażagħ Tamlin, li flok qatgħu qalbhom ilkoll saħħew ħidmiethom għall-ġid tal-Għaqda.
U ftit ġimgħat biss wara l-festa diżastruża tal-1987, fi ħdan l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu twieldet uffiċjalment il-KUMMISSJONI ŻGĦAŻAGĦ TAMLIN.
Nhar it-2 ta’ Settembru 1987, inżammet laqgħa tal-Kumitat u fil-minuti ta’ din il-laqgħa insibu miktub li s-Segretarju...:-
- irid jgħarraf lill-Kumitat li kellu talba minn numru ta’ żgħażagħ biex din il-Kummissjoni tingħata l-ħajja u għalhekk huwa se jlaqqagħha biex jiġi diskuss il-mod kif din se titmexxa u x’se tkun il-funzjoni tagħha fi ħdan is-Soċjetà. Huwa qal li din il-Kummissjoni sejra tkun iffurmata kif ġej: Is-Segretarju se jkun il-Liaison Officer tagħha waqt li l-membri tagħha se jkunu s-Sinjuri Alan Portelli, Sandro Buttigieg, Aldo Buttigieg, Pierre Hili, Tancred Cauchi, Sandro Magri, Tano Frendo, Ray Spiteri, Noel Doublet, Charles Cassar u Twanny Azzopardi. Il-Kumitat approva din il-Kummissjoni. -
Filfatt is-Segretarju ta’ dakinhar, Anselm Sciberras, kien laqqa’ lil dawn iż-żgħażagħ biex saret l-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin. Il-Kummissjoni mill-bidu bdiet il-ħidma u ġew stabbiliti regoli biex l-istess ħidma tal-Kummissjoni timxi id f’id max-xogħol u l-policies tal-Kumitat tal-Għaqda li hu responsabbli mit-tmexxija tal-Għaqda kollha kemm hi.
Fil-laqgħat tal-bidu kien ġie deċiż ukoll l-ewwel xogħol ta’ din il-Kummissjoni u filfatt insibu mill-minuti li fil-Laqgħa tal-Kumitat tal-Għaqda Nru. 11/87/88 tat-23 ta’ Settembru 1987, li s-Segretarju kien ta dan ir-rapport dwar il-K.Ż.T.
-Is-Segretarju qal li l-Kummissjoni Żgħażagħ kienet qegħda taħdem biex fit-2 t’Ottubru issir Festa Tamlija fil-Każin mit-8.00pm ‘il quddiem. L-attrazzjonijiet ikunu l-banda magħmula minn 40 bandist u disco. L-ikel ikun cold buffet u ġie ordnat għand it-Trocadero. Il-biljetti qed jinbiegħu Lm1.25ċ il-kbar u 75ċ iż-żgħar. Il-Kumitat laqa’ u approva din l-attivita’ u se jgħin biex tirnexxi. Barra minn dan is-Segretarju għarraf ukoll lill-Kumitat li l-Kummissjoni kienet qed tagħmel lotterija mal-prima fil-ġimgħa u li l-biljetti mhux qed jinbiegħu fil-Każin.-
U hekk nhar it-2 t’Ottubru 1987, il-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin kellha l-magħmudija tal-attivitajiet tagħha. Il-bitħa spazjuża tal-Każin kienet mimlija bil-membri u partitarji u familji tagħhom. Irrenjat atmosfera mill-isbaħ u dak li ntilef fil-festa, mad-daqq tal-marċi brijużi dakinhar, malajr reġa’ xegħel ħuġġieġa, u dakinhar bħal donnha saret ħalfa li l-Każin San Gejtanu għandu jkompli jikber u jitqawwa. U f’din il-ħalfa kien hemm l-akbar sehem taż-żgħażagħ.
Wara s-suċċess miksub f’dik l-ewwel attivita’ il-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin kompliet iżżid u tiddiversifika l-ħidma tagħha. Insibu li matul is-snin irnexxielha permezz ta’ dak li organizzat iżżid in-numru ta’ Imsieħba fl-Għaqda, l-aktar fost iż-żgħażagħ.
Ġabret ukoll ammont kbir ta’ donazzjonijiet mingħand imsieħba u partitarji li fil-biċċa l-kbira tagħhom marru f’xiri ta’ strumenti għall-Banda biex jista’ jingħad li l-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin biddlet l-istrumentatura tal-Banda u ġabet fostna strumenti ġodda biex għenet lill-Banda twessa’ r-repertorju tagħha. Jispikkaw fost l-istrumenti mixtrija mill-K.Ż.T. hemm is-sett tat-Timpani, id-Drum Kit, u l-Qniepen, biss kull strument, sal-iżgħar wieħed, kien rigal utli għax leħen il-Banda joħroġ b’armonija bejn tant strumenti differenti.
Ħidmet il-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin, firxet f’għajnuna fit-tħejjija u organizzazzjoni ta’ attivitajiet u programmi tal-Banda. Ingħataw ukoll rigali li jsebbħu s-swali tal-Każin, bħal linef u ornamenti oħra, kif ukoll ħwejjeġ li jiswew għall-amministrazzjoni tal-Għaqda bħalma kienet fotokopjattriċi u ħwejjeġ oħra.
Il-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin tul dawn is-snin li ilha mwaqqfa ħadet ħsieb bl-akbar responsabbilta’ li tgħin lill-Kumitat waqt il-marċijiet kbar tal-festa, kif ukoll dejjem ħadet ħsieb li jakkumpanja lill-Banda San Gejtanu ikun hemm l-aqwa u l-isbaħ briju. Jibqgħu imnaqqxin fl-istorja wkoll l-ispettakli li l-Kummissjoni kienet tagħti lejliet il-festa waqt iċ-ċerimonja li kienet issir quddiem il-knisja. Iż-żmien jitbiddel u din l-attivita’ li tant kienet tħeġġeġ nies ma baqgħetx issir, iżda l-Kummissjoni baqgħet għaddejja dejjem tara x’toħloq ġdid biex il-festa tikber u tkun tassew okkażjoni li tagħti gost lin-nies.
Ħidmet iż-Żgħażagħ Tamlin jidħol ukoll fil-qasam kulturali tal-Għaqda u matul dawn is-snin hija kienet responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ bosta wirjiet li saru fis-swali tal-Każin San Gejtanu, kemm b’tema marbuta ma’ festi ewlenin bħall-Ġimgħa Mqaddsa jew il-Karnival, kif ukoll ma’ temi oħra.
Fl-aħħar snin il-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin kompliet tkabbar ħidmietha billi organizzat minn ħdanha stess fergħa għat-tfal imsejħa Tamlini KidZ Club. Din il-fergħa, li huma l-istess żgħażagħ li jieħdu ħsiebha, mgħejjuna minn ħbieb tagħhom, torganizza għadd kbir ta’ attivitajiet matul is-sena kollha għal tfal minn 4 snin ‘il fuq. Dawn jinkludu ħarġiet edukattivi, laqgħat ta’ logħob u tagħlim fil-Każin, Festini fil-festi, sehem fl-attivitajiet tal-Għaqda, Serata fil-Milied b’reċti u żfin, u għadd ta’ attivitajiet oħra.
Snin speċjali għall-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin kienu l-1997 u l-2007, meta fakkret l-10 u l-20 anniversarju rispettivament. Fihom organizzat attivitajiet speċjali mhux biss soċjali u ta’ festi/divertiment, iżda wkoll reliġjużi, kulturali u edukattivi. Fl-2007, il-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin immarkat l-20 anniversarju tagħha bi Programm Mużikali kbir ġewwa l-Istitut Kattoliku l-Furjana, bis-sehem sħiħ tal-Banda San Gejtanu. Waqt dan il-Programm Mużikali, intlaqgħu donazzjonijiet b’risq Puttinu Cares u l-ammont miġbur laħħaq is-somma ta’ Lm500. Kien ukoll waqt dan il-Programm li l-Banda San Gejtanu esegwiet għall-ewwel darba l-Innu Marċ Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin, kompożizzjoni ta’ Mro. Ray Sciberras fuq versi ta’ Anselm Sciberras.
Kien ukoll f’dik is-sena li l-K.Ż.T. mediet kampanja li għadha għaddejja biex il-kant li jsir mal-marċi popolari ikun imnaddaf minn kliem li jdarras lil min jisimgħu, u għalhekk bdiet toħroġ ukoll kliem ġdid għal mal-marċi u twasslu għand il-partitarji permezz ta’ Cds. L-isforzi tal-K.Ż.T. ġa qed jinħassu ħafna u din il-kampanja mhux se tieqaf anzi se tkun intensifikata.
Żvilupp importanti ieħor seħħ fl-2008 meta għall-ewwel darba fl-istorja, waqt li kienet qed issir reviżjoni sħiħa tal-Istatut tal-Għaqda, iddħħlu għadd ta’ paragrafi ġodda f’Kapitlu 7 tal-Istatut li jitkellmu esklussivament dwar il-formazzjoni, rwol u funzjoni tal-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin u tat-taqsima fi ħdanha tal-KidZ Club. B’hekk wara 21 sena ta’ eżistenza l-Kummissjoni Żgħażagħ Tamlin illum mhux biss hi parti mill-aktar importanti fil-ħajja tal-Għaqda, iżda wkoll għandha rwol u għarfien statutorju.
Hekk rajna li mit-twaqqif tagħha l-K.Ż.T. dejjem ħaddmet prinċipju ta’ ħidma bil-għaqal biex isem l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu jibqa’ fuq quddiem, jibqa’ jirrifletti serjeta’ u dedikazzjoni. Hekk iż-Żgħażagħ Tamlin, kif għamlu, jibqgħu jkunu ġieħ għall-Għaqda, u l-ħeġġa żgħażugħa u l-kliem L-Aqwa Fost L-Aħjar, jibqgħu jidwu fi Strada Rjali minn fomm il-baħar ħamran li jsegwi lill-Banda Popolari tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu tal-Ħamrun.


