IL-KNISJA PARROKKJALI SAN GEJTANU (Pic 1)

L-inħawi li fihom illum jinsab il-lokal tal-Ħamrun kienu jappartjenu lil tliet parroċċi differenti, jiġifieri Santa Elena B’Kara, San Ġorġ Ħal Qormi, u San Publiju Furjana. (Pic 2)

Il-parti ta’ fuq, in-naħiet tal-knisja ta’ Santunnuzzu, kienu magħrufa bħala Ta’ San Ġużepp.

Il-parti t’isfel minn Pjazza San Pawl lejn il-Belt, kienu magħrufa bħala Tal-Ħamrun(a), li kien laqam ta’ familja. (Pic 3)

Il-parti ċentrali tal-Ħamrun tallum, minn Santunnuzzo sa Pjazza San Pawl, kien mimli raba’.

Kienu Dun Fortunato Valletta u s-Sur Emanuel Imbroll li waqqfu kumitat biex tinbena knisja biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet tan-nies fl-inħawi li kienu mbiegħda mill-parroċċi msemmija fuq.

Dan il-Kumitat sab appoġġ kbir mill-Isqof ta’ dak iż-żmien, Monsinjur Gaetano Pace Forno.

Il-gvern kien xtara biċċa art mingħand l-Imħallef Giovanni Conti, liema art ingħatat lill-Kumitat biex fuqha tinbena l-knisja.

L-ewwel ġebla tal-Knisja tqiegħdet fit-13 ta’ Ġunju 1869.

Iddisinnja l-knisja Ġorġ Schinas, perit inġinier ewlieni tal-Gvern. (Pic 4)

Il-knisja damet tinbena ħames snin.

Infetħet u tbierket nhar il-11 ta’ Lulju 1875 mill-Isqof Konti Carmelo Scicluna.

Ġiet iddedikata lil San Gejtanu b’ħajr u wkoll fuq xewqa tal-Isqof Gaetano Pace Forno li kien għen b’kull mezz għall-bini tagħha.

Il-knisja ġiet mgħollija għad-dinjita’ ta’ parroċċa fit-2 ta’ Diċembru 1881 mill-Isqof Scicluna.

Sadanitant kienet għadha mhix solvuta l-biċċa tal-isem tal-lokal, jekk kellux ikun San Ġużepp jew Ħamrun. Inqatgħet darba għal dejjem fl-1888, meta l-gvern iddeċieda li l-inħawi jkunu magħrufa uffiċjalment ĦAMRUN, biss.

Il-knisja għandha stil tradizzjonali forma ta’ salib Latin bil-kor.

Il-knisja hi twila 140 pied, wiesgħa mill-kappelluni 80 pied u fil-kursija 25 pied.

Għandha żewġ kampnari li huma għoljin miz-zuntier 124 pied u dritt mill-frontispizju 58 pied.

Il-koppla tal-knisja nbniet f’nofs is-seklu għoxrin fuq disinn tal-Arkitett Ġuże’ D’Amato u tlestiet fl-1955. (Pic 5)

Il-koppla hija għolja 72 pied mill-bejt sas-salib u 132 pied mill-art.

Il-knisja ġiet ikkonsagrata nhar is-26 ta’ Settembru 1930 mill-Arċisqof Dom Mauro Caruana.

Il-kwadru titulari, xogħol Pietru Gagliardi sar f’Ruma u wasal Malta fil-5 ta’ Lulju, 1881.

Il-vara titulari inħadmet fil-limiti tal-parroċċa minn Karlu Darmanin.

Il-knisja kienet iddekorata minn ġewwa u tpitter is-saqaf u l-koppla minn Emvin Cremona. (Pic 6) (Pic 7)

Mill-1881 sal-preżent kienu 10 l-kappillani li mexxew din il-Parroċċa.

L-aktar bniedem magħruf li qatt serva f’din il-Knisja Ewlenija tal-Ħamrun, kien San Ġorġ Preca, l-ewwel Qaddis Malti, u li jinsab midfun fil-limiti tal-Parroċċa Ħamruniża.