Il-Palazz Thiene

Dar L-Għaqda Tal-Mużika San Gejtanu

Kien il-Ħadd, 31 ta’ Lulju 1927, meta ġemgħa ta’ nies ferħana inġabret quddiem wieħed mill-bibien fi Triq Irjali ġewwa l-Ħamrun. L-okkażjoni kienet il-ftuħ uffiċjali tal-lokal ġdid miksub mill-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu biex iservi bħala s-sede tagħha. Ma setax jonqos li l-atmosfera ma tkunx waħda festiva, l-aktar għall-imsieħba tal-istess Għaqda li rawha hekk żgħażugħa (kellha biss 21 sena), takkwista u tidħol f’lokal li fih setgħet tikber u tiżviluppa.

L-akkwist tal-lokal kellu l-bidu tiegħu fis-sena 1926 meta waqt li l-Banda San Gejtanu kienet ġewwa Sqallija, eżattament f’Ragusa tieħu sehem fil-festi ta’ San Ġwann Battista, grupp ta’ imsieħba u partitarji li kienu baqgħu f’Malta, fetħu diskussjonijiet mas-Sur Franġisku Portanier, negozjant, li kelluu rabtiet mal-Għaqda u li qalbu kienet baqgħet marbuta magħha tant li kien benefattur ewlieni tagħha, biex jiġi akkwistat lokal f’nofs Triq Irjali, kbir u spazjuż, li kien iservi bħala maħżen, biex l-Għaqda San Gejtanu tkun tista’ tibda tużah bħala l-Każin tagħha.

In-negozjati malajr taw ir-riżultati mixtieqa għaliex insibu li fit-2 ta’ Ġunju 1926, quddiem in-Nutar Pubbliku Angelo Cachia u x-xhieda l-avukat Ġużeppi Mizzi u l-Prokuratur Legali Ġużeppi Grima, ġewwa l-uffiċju tal-istess Nutar Cachia, f’280, Triq San Pawl, il-Belt Valletta, ġie ffirmat il-kuntratt tal-akkwist.

Għall-parti tal-proprjetarji deher is-Sur Franġisku Portanier waqt li f’isem l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu dehru s-Sur Robert Bencini bħala President, is-Sur Ġużeppi Grech bħala Segretarju, is-Sur Franġisku Caruana bħala Kaxxier, u s-Sur Ġużeppi Zammit bħala membru fil-Kumitat, bl-awtorizzazzjoni li ngħatatilhom permezz tal-Laqgħa Ġenerali tal-Għaqda miżmuma fis-16 ta’ Novembru 1925.

Kienet ħolma u xewqa kbira tal-membri tal-Għaqda li saret realta’ u li mill-iffirmar tal-kuntratt sa sena wara, ħadmu biex il-lokal ikun jista’ jibda jservi bħala Każin. Fl-1927 nfetħu uffiċjalment il-bibien u minn dakinhar l-istorja tal-Għaqda intagħġnet ħaġa waħda mal-Każin kbir li ssejjaħ PALAZZ THIENE.

Dan nissel ambizzjonijiet kbar f’moħħ u qalb l-imsieħba tal-Għaqda u sena wara sena dawn bdew jiżviluppaw f’attivitajiet li malajr xerrdu isem l-Għaqda ma’ kull rokna tal-gżejjer Maltin u l-Għaqda ġiet magħrufa b’waħda mill-aktar dinamika.

U hekk il-Palazz Thiene waqt li ssebbaħ bla qies mas-snin, ra fis-swali u l-ispazji tiegħu, ħidmiet kbar mużikali, kulturali, soċjali, sportivi u reliġjużi.

Il-kobor tiegħu għen ukoll lill-poplu fl-aktar żmien ikreh tas-seklu għoxrin – żmien il-gwerra. F’dawk is-snin serva ta’ skola tal-gvern u wkoll bħala Qorti. Barra dan l-istorja turi li mas-snin bosta Għaqdiet Nazzjonali u Ħamruniżi għamlu użu minnu għal laqgħat u attivitajiet tagħhom, għaliex fih għarfu lok ċentrali u spazzjuż, milħuq, u lokal fejn setgħu jaħdmu bla xkiel.

Għal kull imsieħeb tal-Għaqda, il-Palazz Thiene mhu xejn għajr it-tieni dar. U bħala t-tieni dar il-Palazz Thiene hu miżmum b’għożża biex dejjem ikun l-isbaħ Ġawhra fi Strada Rjali.