L-Ikonografija ta' San Gejtanu
Bosta drabi jiġrilna li għax nidraw il-ħaġa, din issir għalina suġġett tas-soltu li nieħdu bħal kieku xejn, bla ma nifhmu sew it-tifsira tagħha. Hekk ħafna drabi jiġrilna quddiem pittura jew statwa ta' qaddis... hekk jiġrilna quddiem ix-xbieha ta' San Gejtanu. Min jaf fiex naħsbu quddiem xbieha tiegħu? Fejn imur moħħna? Fil-festa? Fil-marċ? Fil-Ħamrun? Jew f'dak li tassew kien u hu San Gejtanu?
L-immaġini tal-Qaddis, jew aħjar l-Ikonografija, hi l-aktar tifkira li nżommu f'moħħna għaliex tidher b'mod li nistgħu nifhmu u nsegwu. Din hi diversifikata ħafna u nistgħu naqsmuha f'żewġ taqsimiet: storika (mill-ħajja tiegħu) u devozzjonali.
San Gejtanu kien persunaġġ li ħalla marka fl-istorja ekkleżjastika u soċjali ta' żmienu. Sa minn meta kien għadu ħaj kien miżmum b'qaddis. Meta miet kibret malajr id-devozzjoni lejh u beda jkun invokat bħala l-Qaddis tal-Providenza, mhux biss għaliex fih bosta nies sabu faraġ u għajnuna materjali u spiritwali, iżda wkoll sabu faraġ fih anke f'diżastri naturali u mard bħalma ġara f'Napli meta kien hemm il-pesta.
Ma jistax jonqos li figura bi statura hekk kbira, ma tiġbidx l-attenzjoni ta' bosta artisti ta' fama, kif ukoll ta' oħrajn provinċjali u dilettanti biex permezz tat-talenti tagħhom jagħtuna ritratti ta' dan il-Qaddis. Għalhekk ix-xbihat tiegħu huma abbundanti, anke f'Malta fejn id-devozzjoni lejh daħlet meta kien għadu Beatu.
Il-kult tiegħu xtered mhux biss għall-fama ta' qdusija li kellu iżda wkoll għaliex kien hemm min xerred id-devozzjoni lejh, ewlenin fosthom it-Teatini. Twaqqfu bosta knejjes iddedikati lilu fi bliet kbar u fi rħula żgħar madwar l-Italja pajjiżu, madwar il-kontinent Ewropew u wkoll f'kontinenti oħra l-aktar fl-Amerika Latina. B'dawn l-ikonografija tiegħu kibret sewwa u naraw li uħud mill-kwadri u statwi li juru lil Gejtanu huma kapolavuri ta' artisti ċelebri fosthom Palma il Giovane, Gian Battista Tiepolo, Francesco Solimena, Pietro Bernini u Mattia Preti.
L-aktar waqt f'ħajjet Gejtanu li hu popolari huwa dak tad-dehra mistika li kellu fil-Milied 1517, fejn narawh għarkopptejh jirċievi lill-Bambin minn id Marija. Ġieli l-Bambin ikun ġa f'idejh u Marija tbierek il-fatt b'ħarsitha. Insibuh ukoll muri fil-glorja tiegħu, jew f'waqtiet tal-missjoni li wettaq, liebes is-suttana sewda, jew fuqha l-ispellizza bajda u l-istola dehbija.
Kull artist iwassal lil Gejtanu bil-mod kif jarah hu. Iżda kif kien jidher sew Gejtanu ta' Thiene? L-aħjar deskrizzjoni ta' kif kien jidher Gejtanu, jagħtihielna Don Erasmo Danese, li kien jiftakru għax għex fi żmienu u ħadem miegħu. Jiddeskrivieh b'dan il-mod: - Don Gaetano kien jilbes ilbies ta' drapp oħxon bi stil Venezjan. Kien pjuttost twil iżda mhux ħafna, fit-triq tan-nofs. Wiċċu kemmxejn fit-tond, samrani, ħaddejh ftit ħamranin, par għajnejn sbieħ u fommu mimli ħlewwa; kellu leħja ftit twila, xagħar jilħaq sa widnejh, bil-beritta tonda a la venezjana, iżda mbagħad beda jilbes il-berettin b'erba' ponot...
Din id-dehra ta' Gejtanu tikkuntrasta mal-immaġini li ġew wara, l-aktar fejn jidħol il-karnaġġjon. Din, fil-parti l-kbira tal-pittura tidher ta' lewn ċar, ta' xeħta Ewropeja aktar milli Mediterranja. Anke f'pajjiżna, b'eċċezzjonijiet żgħar, (bħal fil-każ tal-istatwa titulari tal-Ħamrun) narawh bl-istess mod. Anke l-leħja, normalment narawha qasira u ġeneralment fuq rasu tidher ukoll it-tonsura.
L-ikonografija hu suġġett li jistħoqqlu jkun approfondit u studjat sewwa. Mhux il-każ li dan isir hawn, iżda hawn nistgħu nagħtu għadd ta' eżempji tal-ikonografija ta' San Gejtanu Thiene lil hinn minn xtutna.


