Francesco Buttigieg

Fundatur tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu

Il-Banda tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp tal-Ħamrun għamlet programm mużikali l-Furjana fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Publiju nhar it-28 t’April 1906. Kien waqt dan il-programm li kien inqala’ xi diżgwid u kaġun t’hekk inqalgħet bħal insinwazzjoni kontra Bertu Cordina magħruf bħala Bebè.

Numru ta’ bandisti Ġużeppini u xi membri tal-istess Għaqda sostnew li l-insinwazzjoni ma kenitx veru u oħrajn fl-istess każin riedu jieħdu azzjoni kontra Bebè. Dan wassal għal numru ta’ protesti qawwija, fosthom dik ta’ FRANCESCO BUTTIGIEG li kien bandist mal-Każin ta’ San Ġużepp, li għarraf li jekk tittieħed azzjoni kontra Bebè, hu kien jitlaq, kif filfatt ġara. Miegħu telqu wkoll it-tliet ħutu Anġlu, Gejtanu u Salvu, u numru ta’ bandisti oħra.

Wara dan kollu dawn il-ħbieb kienu jiltaqgħu fuq it-taraġ taz-zuntier tal-Knisja ta’ San Gejtanu u hemm id-diskors kien jaqa’ dwar il-Banda. Il-kliem beda jissawwar f’diskussjonijiet, studjar u ppjanar bejniethom dwar il-ħolma li kellhom tberren f’moħħhom: dik li jiffurmaw banda oħra fil-Ħamrun.

Jum minnhom waqt li kienu hekk miġburin jitkellmu bejniethom, wieħed minn fosthom qam u b’dik is-serjetà u determinazzjoni li tant kien magħruf għalihom, wiegħed lil sħabu li sa tmint ijiem wara kellu jkollhom każin.

Kienet profezija mlissna minn Francesco Buttigieg. Sħabu ħarsu lejh, ħarsa ta’ dubju u bħal donnhom b’għajnejhom bdew jgħidu wieħed lill-ieħor li l-entużjażmu kien qed jiġri b’seħibhom, għax għalkemm kienet il-ħolma tagħhom li jkollhom każin fejn jiltaqgħu u jgħaqqdu l-banda li xtaqu, kienu jafu wkoll bid-diffikultajiet li kienu jeżistu.

Iżda l-ħeġġa taż-żagħżugħ Francesco donnha nisslet kuraġġ ġdid fi sħabu. Biex jagħti prova li dak li kien iddikjara ma kienx biss kliem fieragħ, mill-għada stess, huwa ta bidu biex dak li kien qal iwettqu. Infatti Francesco Buttigieg, flimkien ma’ Salvu Deguara u wlied dan, Ġużeppi u Maria Assunta, ta’ kuljum bdew telgħin u neżlin Ħaż-|ebbuġ, fuq karettun tal-molol, sa ma fl-aħħar krew il-post għall-Każin il-ġdid, li fih laqa’ lill-Għaqda tal-Mużika li ssemmiet għall-Patrun tal-Ħamrun, San Gejtanu.

Francesco Buttigieg jibqa’ mfakkar b’għożża bħala l-Fundatur tal-Għaqda San Gejtanu għax sa mill-bidu ta’ kollox kienu l-ideat, l-inizzjattivi u l-ħidmiet tiegħu li għenu u ħeġġu biex l-Għaqda titwaqqaf.

Il-post li dawn il-ħbieb kienu krew bħala l-każin il-ġdid tagħhom kien maġenb remissa fejn kien hemm wieħed jismu Grabiel jagħmel l-imqaret tat-tamal; kien minħabba f’hekk li dan il-każin il-ġdid tlaqqam bħala ‘Il-Każin tat-Tamal’.

Francesco Buttigieg li kien fl-aqwa tal-entużjażmu tiegħu, billi kien għad kellu 25 sena, kien wieħed minn dawk li rraġuna li “La lilna qed jgħidulna Tat-Tamal, aħna ngħidulhom Tal-Miskina, għax imsieken telquhom ħafna membri u bandisti!” U hekk twieldu wkoll l-laqmijiet tal-baned Ħamruniżi.

Francesco Buttigieg twieled Tal-Pietà, fis-27 ta’ Jannar 1881. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġużeppi Buttigieg minn Għajnsielem, Għawdex u Gioacchina Attard minn Birkirkara. Huwa trabba u għex fil-Ħamrun.

Lejlet il-jum li fih għalaq 26 sena, jiġifieri fis-26 ta’ Jannar 1907, Francesco Buttigieg iżżewweġ lil Maria Assunta Deguara, it-tifla ta’ Salvu Deguara u Katerina Mallia. Huma żżewġu fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu. |ewwiġhom il-Kappillan Dun Ġużepp Muscat quddiem ix-xhieda Lawrenz Attard u Karmenu Storace, li kienu wkoll mill-ewwel membri tal-Każin San Gejtanu.

Francesco Buttigieg u Martu Maria Assunta kellhom tmint itfal u wieħed minnhom, jismu Ġużeppi, kiber u sar bandist fl-istess każin idoqq il-kwartin.

Francesco kien raġel mimli ħeġġa, iħobb is-Soċjetà, il-mużika, u b’mod speċjali l-banda. Jingħad li biex intramaw l-ewwel każini li kellha l-Għaqda San Gejtanu, ġieli kien jieħu wkoll xi oġġetti ta’ tiżjin u dekorazzjoni minn daru stess. Huwa kien kurunettista tajjeb mgħoni b’widna u b’ritmu mill-aħjar.

Flimkien ma’ ħutu, missieru u ħu l-mara tiegħu, flimkien ma’ bandisti oħrajn kienu jagħmlu kunċerti fid-dar tiegħu f’numru 52D, Triq Fra Diegu. Fix-xitwa jagħmluhom ġewwa u fis-sajf barra fil-bitħa. Dan il-post jiġi quddiem il-post fejn Dun Ġorġ Preca kien fetaħ l-ewwel MUSEUM.

Francesco ma kellux biss inizzjattiva soċjali, imma wkoll Kristjana. Kien iħobb jgħid ir-Rużarju fil-Parroċċa għall-poplu, dak iż-żmien waqt il-Quddiesa. Billi kien jaħdem man-N.A.A.F.I., fl-istors ta’ ħdejn il-Knisja ta’ Ċejlu, l-Marsa, hemm ukoll kien jagħmel l-istess.

Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija kien iħobb jirrakonta xi ħrejjef u ċajtiet tiegħu biex iżomm il-moral qawwi kontra l-biża’ mill-bombi. Kellu mħabba speċjali lejn San Gejtanu, speċjalment kien ifakkar il-Providenza tiegħu, li fil-Ħamrun kellhom jitwaqqfu dawk l-istituti kollha. Lil wieħed minn uliedu kien tah l-isem ta’ Gejtanu.

Francesco kien bniedem li jħobb jifraħ u jferraħ u mhux l-ewwel darba li s-saċerdoti Ħamruniżi kienu jinkoraġġuh biex fil-Karnival iferraħ lill-poplu biċ-ċajt u b’xi karozzin armat b’xi idea oriġinali tiegħu. Dak iż-żmien il-Karnival kien estiż sewwa fl-irħula u kellu l-briju u l-kulur tiegħu.

Għall-aħħar tas-snin tletin, minħabba l-gwerra, impenji tax-xogħol u tal-familja, Francesco, mix-xogħol kien imur dritt jara lil ommu, li kienet toqgħod quddiem il-Lega. Hija kienet mara kbira u tilfet id-dawl t’għajnejha. Mingħandha kien jittawwal ftit sal-Każin u wara li jkun għamel xi ħin il-Knisja kien jibqa’ sejjer lejn daru.

Nhar ta’ Ħadd, wara li jkun sema’ ħafna mill-quddies ta’ San Gejtanu, kellu żvog li jinżel xil-ħdax u nofs ta’ filgħodu jilgħab ftit tombla fil-Każin ta’ San Ġużepp u ġieli tellagħha anki hu. Dan juri kemm Francesco ma kellu ebda antagoniżmu għas-Soċjetà San Ġużepp, li minnha ħareġ u waqqaf is-Soċjetà San Gejtanu. Huwa tant kien baqa’ maħbub mill-membri ta’ dan il-Każin, li wara li kienet tgħaddi l-Banda San Gejtanu minn quddiem il-Każin San Ġużepp, fil-marċi popolari ta’ nhar il-Festa filgħodu, ħafna membri kienu joħorġu mill-Każin u jiġbduh għal ġol-każin ħalli jisquh u jifirħu bih.

L-aħħar dar li fiha kien joqgħod Francesco Buttigieg bil-familja li kien baqa’ miegħu, kienet f’numru 156, Victoria Avenue (illum Triq Ġużè Pace), f’kantuniera li tmiss mal-MUSEUM ta’ Triq Villambrosa (illum f’idejn is-sezzjoni femminili). Id-dar illum m’għadhiex teżisti għax twaqqgħet biex it-triq ġiet f’linja mal-knisja tal-Kunċizzjoni.

Nhar it-Tnejn, 23 ta’ Frar tal-1942, Francesco qam ma jiflaħx u ma ħariġx mid-dar. Wara nofsinhar, waħda minn uliedu kienet taf li fil-MUSEUM ta’ ħdejhom kien għadu kif daħal Dun Ġorġ u għalhekk din marret tgħidlu biex imur jarah. Dun Ġorġ ried jaf mingħandha min kien missierha u wara qalilha, “Mela ma niġix! Ċikku l-akbar ħabib tiegħi.” Huwa kien qalilha hekk għax Francesco u Dun Ġorġ kienu tampar xulxin ħafna.

Dun Ġorġ baqa’ dieħel ħdejh u sabu mimdud fis-sodda. Staqsieh kif kien iħossu. Francesco wieġbu li kien iħossu għajjien u ma jiflaħx għad illi l-jum ta’ qabel kien ħareġ u sema’ tliet quddisiet. Dun Ġorġ wieġbu, “Ara Ċikk. Ismagħni. Int għandek VERBUM DEI fuq rasek u m’għandek bżonn xejn. Jiena se nerġa’ mmur il-MUSEUM u jekk tintieġni, ibgħat għalija.” Bierku, u dak is-saċerdot illum Qaddis tal-Knisja Universali, ħareġ minn dar Francesco.

Il-mara ġabitlu t-tabib Wenzinu Mifsud Bonnici u dan qalilha li qalbu kienet magħfusa wisq.

Francesco Buttigieg miet l-għada filgħodu, 24 ta’ Frar 1942. Kellu 61 sena.

B’wirt tiegħu ħalla Monument mill-Aktar Ħaj – l-Għaqda tal-Mużika 'San Gejtanu'