Dun Frans Camilleri

Isem Dun Frans Camilleri hu wieħed minn dawk l-ismijiet li ntisġu għal dejjem mal-istorja tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu. Intiseġ magħha biex jagħmlilha l-akbar ġieħ.

Twieled nhar id-29 ta’ Jannar, 1919. Studja fis-St Paul School tal-Belt u mbagħad daħal is-Seminarju. Ordna saċerdot fl-1943 u s-sena ta’ wara beda jgħallem il-Malti fis-Seminarju u fil-Kulleġġ San Lwiġi. Il-ħidma saċerdotali tiegħu għamilha l-Ħamrun fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu. Għad li t-triq li fiha twieled tinsab fil-konfini tal-Marsa, Dun Frans kien Ħamruniż minn rasu sa għarqubu, u ħabb il-Ħamrun bil-fatti u b’kull nifs ta’ ħajtu. Iżda Dun Frans kellu qalbu tant kbira li mhux il-Ħamrun biss kellu fiha, iżda ferm u ferm aktar kif tixhed ħajtu kollha.

Dun Frans Camilleri kien poeta. Sfortunatament il-kontribut enormi li huwa ta lil-letteratura Maltija jintesa. Kien il-bniedem li qarreb lill-poplu lejn il-vers Malti permezz tal-mijiet (madwar 500) ta’ innijiet li kiteb għal knejjes, għaqdiet, baned, skejjel, u aktar. Fi kliem il-kittieb Trevor Zahra, Dun Frans Camilleri kien ukoll pijunier tal-letteratura għat-tfal. Ma ninsewx ukoll li kien prożatur u tana l-ewwel ktieb b’ġabra ta’ esejs bil-Malti.

Dun Frans kien Membru Akkademiku u membru tal-Kunsill tal-Akkademja tal-Malti sa mill-1944. Kellu wkoll sehem kbir fil-ħidma tal-Għaqda ta’ Qari Tajjeb li stampat eluf ta’ kotba żgħar b’tagħlim, xjenza u ħajjiet ta’ qaddisin. Kien ukoll l-ewwel editur ta’ “Il-Ħuġġieġa”, rivista tal-Azzjoni Kattolika u tal-perjodiku “Lil Ħutna”, ħolqa li tgħaqqad l-emigranti Maltin bejniethom u ma’ art twelidhom, stampat mill-Kummissjoni Emigranti.

Kien fl-1944 li Dun Frans Camilleri nħatar Direttur Spiritwali tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, u baqa’ jserviha b’ħeġġa u minn qalbu kollha sal-aħħar jiem ta’ ħajtu. Baqa’ jaħdem fi ħdanha anke fi żminijiet koroh tas-sittinijiet u kienu ħafna dawk li sabu refuġju għandu, fi kliemu, f’ħarstu, u f’imħabbtu. Biebu kif kien qabel baqa’ miftuħ għal kulħadd u qatt ma għalqu f’wiċċ xi ħadd. Dejjem żamm quddiem għajnejh li fuq kollox u qabel kollox hu kien saċerdot mogħti għall-poplt t’Alla kollu, u Ħamruniż li jħobb lill-Ħamrun sħiħ. Dejjem ħadem u stinka bla waqfa biex fil-Ħamrun ikun hawn l-għaqda bejn l-Għaqdiet kollha li jaħdmu fih. Biss bħal kull bniedem ieħor ikollu dik il-ġibda speċjali lejn xi grupp partikolari, u mħabbet Dun Frans kienet mogħtija fi sħiħ lill-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu.

Kien ‘miġnun’ ukoll fuq il-futbol. Sapporter kbir tal-Ħamrun Spartans. Direttur Spiritwali tal-klabb Ħamruniż sa mill-1946. Jattendi għal-logħbiet u mhux l-ewwel darba jqabbel xi sunett biex jitkanta mill-partitarji.

Fl-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, Dun Frans mhux biss ħadem bħala Direttur Spiritwali, iżda kien ukoll jaħdem f’oqsma oħra tal-ħajja tal-Każin. Permezz tal-pinna tiegħu hu ħalla lil din l-Għaqda żewġ teżori mill-aqwa fil-versi tal-Kantata Lil San Gejtanu (1947) u fl-Innu Marċ Lill-Banda San Gejtanu (1952), it-tnejn kompożizzjoni tal-ex Surmast Mro. Joseph Abela Scolaro. Dun Frans u Mro. Abela Scolaro ħadmu flimkien għadd ferm kbir ta’ innijiet tista’ tgħid għal kull lokal f’Malta.

Kien ħabib ukoll ta’ Dun Karm, il-poeta nazzjonali u ta’ għadd ta’ kittieba oħra li poġġew il-letteratura Maltija fuq sisien sodi u wrew li l-Malti xejn m’għandu anqas minn ilsna oħra. Biss ħabib intimu tiegħu kien il-poeta u President tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, Anton Buttigieg.

Kien bniedem umli ferm. Ħadem ukoll fil-Malta Playing Fields Association, il-Chorus Melitensis u għaqdiet oħra Ħamruniżi u le, reliġjużi u soċjali. Għal ħafna snin, huwa serva wkoll bħala membru tal-Kumitat tal-Viżitaturi tal-Ħabs.

Kien fotografu prim u mfittex ħafna għar-ritratti artistiċi li kien jiġbed bi professjonalita’ kbira u li kienu jiġu stampati f’kotba, kalendarji u kartolini. Ħabb lin-natura u kien isib għaxqa jkabbar ix-xtieli. Ħoloq xogħlijiet mill-isbaħ bil-bebbux ta’ kull daqs u għamla.

Il-Każin San Gejtanu kien it-tieni dar tiegħu. Dehra ta’ Dun Frans imfakkra b’għożża kienet id-daħla tiegħu fil-Palazz Thiene kważi kuljum, u aktar u aktar meta kiber sew fl-eta’. Kien jitfaċċa liebes is-suttana sewda bil-briefcase sewda li xjaħet miegħu dejjem taħt dirajgħ, mimlija karti u noti, u borża tal-karta b’xi qassata tal-irkotta. Jordna te’ mill-bar tal-Każin u waqt li jiekol il-qassata, jitkellem mal-membri li lkoll kienu jifirħu bih.

Monsinjur Mattew Chircop, ex Kappillan tal-Parroċċa, dwar Dun Frans kellu xi jgħid dan: ‘Kien qassis bla pretensjonijiet, moħħu biss biex jaqdi lin-nies. Titolbu x’titolbu kien jara kif jagħmel biex jaqdik. Kien bniedem sempliċi, iħobb il-futbol. Ma ried xejn għalih.’

Forsi l-aktar kliem li ġabar dak li kien Dun Frans Camilleri hu dak li qal dwaru Alfred Mallia Zarb: “Dun Frans jesa din id-dinja u l-oħra f’qalbu għax jasal għal Alla bl-imħabba lejn għajru.”

Dun Frans Camilleri miet nhar is-6 ta’ Diċembru, 1990 u bkieh kull min kien jafu. Kienet l-aħħar darba li l-Banda San Gejtanu u Dun Frans imxew flimkien fi Triq il-Kbira tal-Ħamrun.