Il-Professur Maestro Charles Camilleri
l-iktar kompożitur Malti li kiseb fama mad-dinja u li jagħraf il-bidu tal-karriera tiegħu mill-Każin tal-Banda San Gejtanu.
Charles Camilleri twieled il-Ħamrun nhar is-7 ta’ Settembru 1931. Mhux talli hekk, talli Charles beda l-karriera tiegħu, appuntu fil-Ħamrun mal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu. Huwa studja taħt idejn ċerta Miss Barbara, kif ukoll il-Maestro Joseph Abela Scolaro, u l-Maestro Carmelo Pace, imma mbagħad kompla jitgħallem waħdu, u kien jiffrekwenta il-Każin tal-Banda San Gejtanu. Kien iħobb idoqq l-accordion u l-ewwel marċ tiegħu ikkomponieh meta kien għad kellu biss ħdax-il sena. Tul iż-żmien ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Charles, dak iż-żmien ġuvnott ta’ 15-17-il sena kien jakkumpanja ħafna soċji fix-xalata u għall-prezz ta’ lira sterlina kien idoqqilhom l-accordion. Hu kien jattendi ta’ spiss l-attivitajiet tal-Għaqda tal-Malti ġewwa l-Każin, li fiha kien hemm kittieba prominenti bħal Gużè Muscat Azzopardi, Kelinu Vella Haber, Anton Buttigieg u Dun Frans Camilleri, u mhux l-ewwel darba li kkontribwixxa permezz tad-daqq tal-accordion. Fost il-kompożizzjonijiet tiegħu hemm ukoll materjal li nkiteb esklussivament għas-Soċjetà Filarmonika San Gejtanu. Waħda minnhom, jisimha proprju ‘Marċ Ħamruniż’.
M’hemm ebda dubju li l-Każin tal-Banda San Gejtanu serva bħala tarġa importanti għall-karriera ta’ Charles, li l-familja tiegħu kienet toqgħod fi Triq Vitorja. Minkejja l-abbiltajiet kbar ta’ Charles Camilleri, ħadd ma kien jobsor li hu kien se jispiċċa jagħmel daqshekk suċċess barra l-pajjiż, anzi, isir l-iktar kompożitur Malti li kiseb suċċess barra pajjiżna.
Hemm ħafna x’wieħed jikteb u jixtarr fil-mużika ta’ Charles Camilleri, li tgħodd iktar minn 300 kompożizzjoni. L-iktar ħaġa li tispikka f’dawn il-kompożizzjonijiet hija l-istil uniku li fihom dawn l-arranġamenti, il-fatt li tul is-snin għadhom jiġu studjati u rriċerkati sew minħabba l-modi u strutturi uniċi li fihom u barra minn hekk, hemm ħafna kompożizzjonijiet li għandhom element folkloristiku Malti. Wara kollox, Charles Camilleri kien fundamentali fil-qawmien mill-ġdid tal-folklor Malti. Fi żmien meta Malta kienet imkissra wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u mbagħad bdiet tinfena bi kwistjonijiet soċjo-politiċi, Charles, forsi wkoll għax kien imsiefer u emigrat, żamm is-sentimenti li trawmu fih tul il-festi li kien jara fil-Ħamrun kif ukoll f’postijiet oħra u kompla jibni fuq dak li kien jisma’ ta’ kuljum. Fl-1948, qabel ma emigra kien diġa kiteb waħda mill-kapolavuri tiegħu il-Malta Suite, li mbagħad kompla jorqom iktar minn 20 sena wara.
Hemm ukoll memorji oħra, inqas isbaħ li l-Professur Charles Camilleri ħa minn tfulitu, u dawn huma l-memorji tat-Tieni Gwerra Dinjija, kif jidhru fil-Piano Concerto (Mediterranean).
Charles Camilleri kien personalità mimlija enerġija, kreattività u xi ħaġa importanti ħafna, interess, anzi kurżità li ssibha fit-tfal, xi ħaġa li għenitu mhux ħażin fil-karriera tiegħu. Importanti wkoll li m’għandniex inħarsu lejn Charles Camilleri bħala kompożitur li kien marbut biss mal-muzika klassika. Tul il-karriera tiegħu li damet iktar minn 60 sena, Charles iltaqa’ u ħadem ma’ talenti kbar fosthom David Brubeck, Earl Hines, Lionel Hampton, Ted Heath, Tommy Steele, Frank Sinatra, Frankie Laine, Johnny Ray, kif ukoll Jimmy Page. Dan tal-aħħar huwa kitarrista kbir u innovattiv, ikona fil-qasam tal-mużika rock, u nafuh bħala l-kitarrista tal-grupp kbir Led Zeppelin.
Charles u l-familja tiegħu, dak iż-żmien kienu qed jgħixu l-Ingilterra, u l-mużika ta’ Charles kienet diġa tingħata prominenza permezz tal-istazzjon tal-mużika klassika u jazz il-BBC Radio 3. Jidher li Jimmy Page, li jsegwi ħafna l-mużika klassika u bħal Charles iħobb ħafna lil Igor Stravinsky, sema’ xi xogħol ta’ Charles jindaqq fuq dan l-istazzjon u skont il-familja, għamel il-kuntatti meħtieġa mal-BBC u mal-kumpanija tiegħu sabiex jiltaqa’ ma’ Charles. Sa anke mar għandu u qattgħu żmien jiddiskutu bosta aspetti ta’ proġett li xtaqu jagħmlu. Kien hemm anki riferenza għal dan f’ħarġa tat-Times of Malta. Sfortunatament il-proġett ma setax jieħu r-ruħ minħabba li kien hemm problemi kuntrattwali li ma ħallewx lil Jimmy Page jaħdem ma’ Charles Camilleri.
Charles Camilleri siefer ħafna u kien l-Afrika ta’ Fuq, notevolment fit-Tuneżija, l-Awstralja, fejn ta’ 18-il sena kien diġa qed jgħallem u minn hemmhekk għamel żmien idoqq għat-truppi Awstraljani li kienu involuti fil-Gwerra tal-Korea bħala alleati mal-forzi Amerikani, bejn l-1950-53. Minn hemmhekk, spiċċa r-Renju Unit, fejn ħadem bħala pjanista u akkordjunista. Hawnhekk huwa tassew beda jittempra l-ħsibijiet u l-kreattività tiegħu. Kiteb il-musical Sailor Beware li kisbitlu suċċess kbir f’nofs is-snin 50 u rrenda wkoll kompożizzjonijiet għall-musical Irma La Douce. Tħabbeb ukoll ma’ nies bħal Hoagy Carmichael, Tommy Steele, Frankie Laine u Frank Sinatra fost oħrajn. Għal Charles dawn l-esperjenzi ġabuh iktar konxju ta’ x’kien għaddej fix-xena mużikali u kif jaħdem in-negozju f’dan il-qasam, li kif qalli, minn dejjem kien iebes, kompetittiv u mimli ħofor u qerq għal min ikun novizz, kif stqarrli huwa stess meta kont intervistajtu. Charles Camilleri anke ltaqa’ ma’ Sir George Martin, li dak iż-żmien kien jaħdem mal-BBC u eventwalment ħadem mal-Beatles. Infatti l-ewwel extended play ta’ Charles kellu l-produzzjoni tal-istess leġġenda li llum għandu 83 sena.
Charles Camilleri kien ukoll responsabbli għas-soundtrack tal-Film Bridge On The River Kwai, film li madwar 50 sena ilu għamel furur. Dakinhar kien ikkummissjonat mill-magħruf kompożitur u direttur tal-films Sir Malcolm Arnold. Charles ħadem ukoll f’San Francisco fil-Blackhawk Club, li dak iż-żmien kien magħruf għall-wirjiet minn artisti kbar tal-jazz. Hemmhekk ħadem ma’ Earl Hines. Fi Franza, f’Ile de France, Pariġi, hu ltaqa’ u ħadem ma’ Lionel Hampton u spiċċa wettaq tours miegħu. Charles jirrakonta kemm kien strett u puntwali ma’ kulħadd. “Kien ukoll raġel reliġjuż li fis-sitta ta’ filgħodu kont tarah jagħmillek meditazzjoni ta’ nofs siegħa fuq passaġġi mill-Bibbja.”
Charles għandu diversi xogħlijiet reliġjużi u hemm diversi xogħlijiet oħra bbażati fuq l-ispiritwalità u l-fidi Kristjana tagħna. Fost dawn insibu l-Missa Mundi u x-xogħol minimalista u sabiħ tiegħu Unuum Deum. L-aħħar xogħol li kiteb Charles Camilleri, in-New Idea Symphony u li fit-13 ta’ Jannar li għadda, nstemgħet għall-ewwel darba fi Brussels, kellha wkoll ħafna ispirazzjoni reliġjuża, l-iktar dwar il-ħajja wara l-mewt u l-laqgħa mal-Mulej Ħallieq tagħna. Donnu Charles kien qed jinduna li ħajtu kienet riesqa lejn tmiemha.
Charles Camilleri wettaq ħafna affarijiet li kienu innovattivi għall-aħħar fix-xena kulturali tagħna. Kiteb l-ewwel opra bil-Malti, magħrufa bħala Il-Wegħda, kif ukoll l-ewwel oratorju bil-Malti, magħruf bħala Pawlu ta’ Malta, b’lirika mill-Professur Oliver Friggieri, ad unur San Pawl. Ma rridux ninsew is-Songs From Malta, ġabra ta’ kanzunetti Maltin, b’lirika mill-Professur Joe Friggieri u kantati minn Mary Rose Mallia. Għal ħafna nies, dawn il-kanzunetti kif ukoll ‘L-Imħabba’ li Charles ikkompona għal Joe Cutajar u Helen Micallef jibqgħu fost l-iktar magħrufa fost il-popolin. Din il-kanzunetta ħadet sehem fil-Eurovision Song Contest tal-1972. Charles ikkompona wkoll silta mużikali ibbażata fuq il-Cantilena ta’ Pietru Caxaro, l-ewwel biċċa xogħol iddokumentata bil-Malti u li tmur lura sas-seklu 15 wara Kristu, u li llum tirrafigura wkoll fis-sillabu tal-eżamijiet tat-Trinity College of Music, istituzzjoni kbira fiha nnifisha.
Il-Professur Charles Camilleri kellu wkoll opra The Maltese Cross li kienet ittellgħet f’Pariġi sitt snin ilu. Flimkien mal-mibki Gużè Cassar Pullicino, huwa kiteb il-ktieb Folk Music of Malta, u mal-Professur Peter Serracino-Inglott, ħareġ il-ktieb Mediterranean Music li kien ippublikat mill-UNESCO fl-1988. Ħadem ukoll biex jitwaqqfu l-fakultajiet tal-mużika kemm fl-Università ta’ Toronto kif ukoll hawn Malta, fejn kien fundatur ta’ din il-fakultà fl-Università ta’ Malta, fl-1988. Tfisser ħafna li minkejja li ilu tmien xhur li ħalliena, l-mużika ta’ Charles Camilleri għadha tindaqq permezz ta’ stazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-Classic FM u l-BBC Radio 3 fir-Renju Unit. Tfisser ħafna wkoll li Charles Camilleri ġie onorat permezz ta’ gazzetti rinomati Inglizi bhal The Telegraph, The Times, The Independent kif ukoll The Guardian. Personalment kont onorat li kkontribwejt wieħed minn dawn l-obitwarji.
Minkejja l-fama tiegħu madwar id-dinja, għal Charles Camilleri, il-valuri tal-folklor u l-ilsien tagħna kienu importanti mmens. Kien jgħożżhom ħafna u dan minkejja ħafna snin li hu qatta’ barra minn Malta. Għal ħafna nies, il-Professur Maestro Charles Camilleri jibqa’ mfakkar għall-Folk Songs From Malta, Pawlu ta’ Malta u il-Wegħda, u l-programmi li kien ikollu permezz tar-Rediffusion lura fil-bidu tas-sittinijiet. Iżda, hawnhekk f’dan il-lokal, u fil-Każin San Gejtanu Charles Camilleri għandu jiġi magħruf u mfakkar dejjem bħala ambaxxatur mill-akbar ta’ pajjiżna li ħalla warajh wirt imprezzabbli.
Charles Camilleri kien ingħata Ġieħ il-Ħamrun fis-sena 2000 u għal numru ta’ snin kien Surmast Onorarju tal-Banda San Gejtanu.
Huwa miet nhar it-3 ta’ Jannar 2009 fl-għomor ta’ 77 sena.
(minn kitba ta’ Eric Montfort)


