Anton Buttigieg

Anton Buttigieg, li twieled il-Qala Għawdex fis-sena 1912, kien ġie jgħix Malta flimkien mal-familja tiegħu fl-1928 meta kellu biss sittax-il sena biex seta’ jibda jattendi l-Kulleġġ San Alwiġi. Kemm konna fortunati aħna l-Ħamruniżi u partikularment l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, li missieru Salvu, u ommu Concetta, ddeċidew li jagħżlu l-Ħamrun bħala l-belt addottiva tagħhom f’Malta.

L-avukat Anton Buttigieg kien sar President tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu fis-sena 1955 u baqa’ jokkupa din il-kariga sa meta miet f’Mejju tal-1983. Fl-istess sena kien ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament Malti f’isem il-Partit Laburista. Huwa kien ikkontesta fl-1952 f’isem il-Partit Kostituzzjonali iżda ma kienx ġie elett.

Anton Buttigieg kien imħajjar jidħol fl-Għaqda mis-Sur Karmenu Blackman li kien maġġur fl-Army. Buttigieg kien ġie proponut biex jikkontesta l-elezzjoni għall-kariga ta’ President fl-istess sena, mill-maġġur Blackman innifsu u kien issekondat mis-Sur Salvu Agius. Kien ikkontesta għall-istess kariga s-Sur Edward Azzopardi li kien is-Segretarju tal-Għaqda fil-Kumitat li kien presedut mis-Sur Robert Bencini. Is-Sur Bencini kien iddeċieda li ma jikkontestax dik l-elezzjoni tal-1955 wara li kien ilu President sa mill-1924.

Anton Buttigieg huwa personalita’ li għadha ħajja f’moħħ u qalb l-Imsieħba tal-Għaqda, u bosta anzjani għad għandhom tifkiriet kbar tas-snin tal-Presidenza tiegħu.

Minkejja l-impenji tiegħu, bħala missier armel darbtejn, avukat, membru parlamentari, ministru u viċi prim ministru, deputat mexxej tal-Partit Laburista u poeta/kittieb mill-aktar prolifiku, xorta waħda kien jiffrekwenta l-Każin b’mod regolari. Kien iġib sudizzjoni. Kont tarah jidħol sal-bar u fis-swali u jitkellem ma’ dawk il-persuni li jkun hemm fih.

Meta Buttigieg rifes l-ewwel darba fil-Każin, l-Għaqda kienet tinsab f’qagħda finanzjarja ħażina ferm. Bil-persważjoni u determinazzjoni tal-President Buttigieg, l-Għaqda bil-mod il-mod ħarġet minn din il-kriżi u qatt ma ħarset lura.

Anton Buttigieg kien imexxi bl-eżempju u kien jaħdem fil-qrib mal-membri tal-Kumitat u mal-Imseħbin l-oħra tal-Għaqda. Kull meta l-Għaqda kienet tinsab f’sitwazzjonijiet diffiċli huwa kien jgħid lill-membri tal-Kumitat biex ma jaqtgħux qalbhom u jafdaw fil-Providenza kbira ta’ San Gejtanu.

Ta’ min ifakkar li tul il-presidenza twila tiegħu, Anton Buttigieg ġie kkontestat tliet darbiet. Fit-tliet okkażjonijiet Anton Buttigieg ħareġ rebbieħ.

Il-President Anton Buttigieg kien iżomm iebes u kien diliġenti ħafna fit-tmexxija finanzjarja tal-Għaqda. Kien jesiġi ħafna wkoll fuq it-trasparenza, l-onesta’ u d-dixxiplina. Tul it-28 sena tal-presidenza ta’ Anton Buttigieg sar ħafna xogħol biex dar l-Għaqda saret verament denja li tissejjaħ il-Palazz Thiene. Is-swali ġew irranġati, infetaħ il-bar, tneħħa t-tamboċċ mill-intrata u nbena s-saqaf tat-terrazzin, fost ħafna xogħlijiet oħra.

Huwa sar President tal-Għaqda proprju meta din kienet qed taħseb biex tiċċelebra il-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Kien żmien li bi tħejjija għall-anniversarju bosta ħolmu bi proġetti u xogħlijiet. Mill-ewwel dehret ċara s-siwi tat-tmexxija tiegħu għaliex dak li sar kien sar bl-aktar mod għaqli, l-aktar f’dak kollu li kien se jinvolvi spejjeż mhux żgħar.

F’sitwazzjonijiet fejn kien ikun qed jiġi diskuss proġett u xogħol li kien ikun se jinvolvi infiq ta’ flus, il-President Buttigieg kien jieqaf u jgħid lil dak li jkun qed jipproponi l-infiq, “Stenna xbin!” u minnufih jibda jgħarbel u jifli l-proposti qabel ma jagħti l-approvazzjoni tiegħu. Mhux darba li m’approvax proposti mressqa.

Il-President Buttigieg kien jinteressah ħafna u jieħu sehem attiv f’dak kollu li kellu x’jaqsam mal-mużika fi ħdan l-Għaqda. Dejjem insista u rsista biex l-Għaqda tkun fuq quddiem fejn jidħol tagħlim mużikali. L-istess kien jieħu l-akbar interess fit-tħejjijiet għall-festa ta’ San Gejtanu u dejjem akkumpanja lill-Banda San Gejtanu fil-marċi tagħha anke meta kien President ta’ Malta.

Tul il-Presidenza tiegħu l-Għaqda kienet attiva ferm ukoll f’oqsma oħra bħalma huwa l-isport. Dak kollu li kien jiswa ta’ ġid għall-ħajja tal-Għaqda huwa dejjem inkoraġġieh.

It-28 sena ta’ presidenza tal-avukat Anton Buttigieg ma kinux kollha ward u żahar. Kien hemm żminijiet feliċi u oħrajn diffiċli. Bit-tmexxija għaqlija tal-President Buttigieg u b’ħidma delikata u diffiċli ġew solvuti problemi li nqalgħu minn żmien għal żmien bejn il-baned Ħamruniżi. Kien hemm problemi oħra ta’ natura lokali u nazzjonali li riedu jiġu ffaċċjati bl-akbar serjeta’ u delikatezza.

|mien iebes kien dak tal-kwestjoni politika-reliġjuża, żmien li fih il-President Anton Buttigieg, peress li kien membru fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, safa interdettjat. Kaġun t’hekk l-Għaqda għaddiet minn żmien iebes, fejn xi parroċċi li fihom kienet ilha snin tagħti servizz fil-festa tagħhom waqqfu l-istedina wara li kienu ġa wettquha. L-Għaqda iġġieldet din l-azzjoni u ddefenda l-kas tagħha l-avukat Guido de Marco li kien Viċi President tal-Għaqda għal madwar 6 snin, u tista’ tgħid li trabba’ fil-Każin. Ma kienux ftit l-insulti li rċieva Anton Buttigieg dak iż-żmien, iżda hu baqa’ rett u jaħdem għall-ġid tal-Għaqda bla ma qatt ħallat ħaġa m’oħra.

Ġrajja importanti ferm u li ftit hija magħrufa, hija din:

Vincent (Ċensu) Grech, li kien membru tal-Kumitat u aktar tard Direttur Ġenerali tal-Każin, kien ġie mitlub mill-President Buttigieg, biex jiftaħlu l-Każin filgħaxija wara li jkun ingħalaq u wissih biex ma jgħid lil ħadd u jżomm kollox sigriet. Ċensu hekk għamel u quddiemu tfaċċa l-President Buttigieg ma’ raġel ieħor li huwa m’għarafx. Il-President u dan ir-raġel pulit damu madwar siegħa jitkellmu fuq. Lestew, niżlu u telqu ‘l barra. Il-President Buttigieg kien talab lil Ċensu jerġa’ jiftaħlu l-Każin jumejn wara, din id-darba wara nofsinhar. Hekk għamel, u mal-President Buttigieg reġa’ tfaċċa l-istess raġel. Din id-darba l-laqgħa bejniethom ħadet fit-tul sewwa. Fi tmiem il-laqgħa, Buttigieg wassal lir-raġel l-ieħor sal-bieb ta’ barra, sellimlu, ħadlu b’idu u għalaq il-bieb. Il-President Buttigieg dar u qal lil Ċensu mimli sodisfazzjon li kien għadu kif intlaħaq ftehim fil-prinċipju dwar il-kwistjoni politika-reliġjuża bejn il-Partit Laburista u l-Knisja Maltija. Dak ir-raġel li miegħu kien iltaqa’ Anton Buttigieg fil-Każin San Gejtanu, ma kien ħadd għajr Monsinjur Gerada.

Fl-1976 Anton Buttigieg inħatar President ta’ Malta u l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu organizzat festi f’ġieħu permezz tal-Banda. Minkejja li kien sar l-ewwel ċittadin u kap tal-istat, huwa mhux biss baqa’ President tal-Għaqda, iżda kompla jkun dak li kien dejjem – President li jieħu interess f’dak kollu li tkun għaddejja minnu l-Għaqda; President attiv fl-attivitajiet; President mhux tal-isem.

Kien hu li wassal lill-Għaqda biex tiċċelebra il-75 anniversarju tagħha fl-1981.

Jekk wieħed ikollu jagħti tagħrif dettaljat dwar Anton Buttigieg u l-karriera politika tiegħu, jew dwaru bħala wieħed mill-akbar u l-aqwa poeti Maltin, it-tul ta’ din il-kitba ikun wieħed kbir ferm, għax Anton Buttigieg, President tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu mill-1955 sal-5 ta’ Mejju 1983 (Jum Mewtu), kien bniedem li għamel l-akbar unur lil Malta tagħna, lil-letteratura u l-ilsien Malti, u lill-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu li huwa tant ħabb u ħadem b’risqha.

(mislut minn kitba ta’ Victor Grech)